Milan wettqu rimonta stupenda meta għelbu liċ-champions Juventus 4-2 fi Stadio San Siro. Il-Bianconeri kellhom vantaġġ doppju sal-bidu tat-tieni taqsima iżda Milan dawru r-riżultat bi tliet gowls fi tmien minuti. B’din ir-rebħa, Milan telgħu momentarjament fil-ħames post filwaqt li għal Juventus ftit għamlet differenza hekk kif għadhom seba’ punti vantaġġ wara t-telfa ta’ Lazio aktar qabel. Għal Milan din kienet it-tieni rebħa konsekuttiva fi ftit jiem wara li s-Sibt li għadda għelbu lil Lazio.
Milan kienu ħasbu li marru fil-vantaġġ eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima b’gowl ta’ Zlatan Ibrahimovic iżda l-gowl tħassar għal offside. Juventus fetħu l-iskor fis-47 minuta b’xutt mill-isbaħ ta’ ADRIEN RABIOT minn barra l-kaxxa li ma tax ċans lil Gianluigi Donnarumma. Huma rduppjaw sitt minuti wara b’passaġġ preċiż ta’ Juan Cuadrado lejn CRISTIANO RONALDO li sab il-ballun quddiemu u għeleb lil Donnarumma. Milan daħlu fil-logħba fit-62 minuta meta ngħataw penalty b’konferma mill-VAR. Id-daqqa ta’ ras ta’ Ante Rebic ġiet imblokkata minn idejn Leonardo Bonucci. ZLATAN IBRAHIMOVIC għeleb lil Wojciech Szczesny mill-11-il metru.
It-tim ta’ Stefano Pioli ġab id-draw fis-66 minuta b’azzjoni maħduma tajba li fiha FRANCK KESSIE għeleb lil Szczesny b’xutt li kien imxellef. Milan saħansitra marru fil-vantaġġ żewġ minuti wara b’xutt fil-baxx ta’ RAFAEL LEAO fuq l-ewwel lasta. Ir-Rossoneri saħansitra skorjaw ir-raba’ gowl fit-80 minuta meta minn passaġġ żbaljat ta’ Alex Sandro, Giacomo Bonaventura qassam lejn ANTE REBIC li kkontrolla u għeleb lil Szczesny.
//= $special ?>