Birkirkara komplew jippreparaw l-iskwadra tagħhom għall-istaġun li ġej hekk kif ikkonfermaw lil Enrico Pepe għat-tliet snin li ġejjin. Id-difensur Taljan ingħaqad ma’ Birkirkara fl-istaġun li għadda u lagħab fil-logħbiet kollha tal-Kampjonat Premier sakemm waqaf, b’eċċezzjoni għal żewġ logħbiet.
Dan se jkun is-sitt staġun ta’ Pepe f’pajjiżna u matul is-snin stabbilixxa ruħu bħala wieħed mill-aqwa difensuri fil-futbol lokali. Id-difensur ċentrali saħansitra ssejjaħ mat-tim nazzjonali Malti hekk kif hu fil-ħsieb li jingħata ċittadinanza Maltija bil-mertu.
It-Taljan ta’ 30 sena kien inġieb ma’ Floriana fl-istaġun 2015/16 u lagħab magħhom għal tliet staġuni fejn rebaħ l-FA Trophy u s-Super Cup. Fl-istaġun 2018/19 ingħaqad ma’ Ħamrun Spartans u kien parti integrali mit-tim li spiċċa l-kampjonat fir-raba’ post.
Fl-aħħar ġimgħat, Birkirkara ġeddew il-kuntratti ta’ Oscar Carniello, Claudio Bonanni, Paul Mbong, Federico Falcone, Cain Attard, Amara Sylla u Roderick Briffa. It-tim immexxi minn Andrè Paus li wkoll kien konfermat, qed isaħħaħ il-bażi tal-istaġun li għadda hekk kif qabel waqaf il-kampjonat minħabba l-Covid-19, Birkirkara kisbu sitt rebħiet u żewġ draws fl-aħħar tmien logħbiet tal-kampjonat.