Sheffield United kisbu rebħa fondamentali fit-taqtigħa li jiksbu post fl-Europa League staġun ieħor meta fi Bramall Lane għelbu lil Wolves 1-0. B’dan ir-riżultat, Sheffield United telgħu fis-seba’ post punt taħt l-istess Wolves. Il-gowl deċiżiv wasal proprju fl-aħħar sekondi tal-logħba meta minn korner mil-lemin ta’ Oliver Norwood, John Egan għola fuq kulħadd biex b’daqqa ta’ ras b’saħħitha għeleb lil Rui Patricio.
Manchester City irritornaw għar-rebħ wara t-telfa kontra Sunderland. Fl-Etihad Stadium ġabu fix-xejn lil Newcastle 5-0 biex kisbu rebħa oħra kbira f’darhom wara l-4-0 kontra Liverpool il-Ħamis li għadda. Gabriel Jesus fetaħ l-iskor wara għaxar minuti meta skorja minn qagħda ideali wara kross mix-xellug ta’ David Silva. Riyad Mahrez irdoppja fil-21 minuta f’azzjoni simili għall-ewwel gowl, din id-darba minn kross ta’ Kevin de Bruyne. Awto-gowl ta’ Federico Fernandez fit-58 minuta kompla jkabbar il-vantaġġ biex David Silva skorja r-raba’ gowl bi free-kick fil-65 minuta. Raheem Sterling issiġilla r-rebħa fil-91 minuta.
Burnley ukoll baqgħu jisfidaw għal post fl-Europa League. Ir-rebħa ta’ 1-0 fil-London Stadium kontra West Ham kompliet tikkomplika l-klassifika għat-tim ta’ David Moyes. Il-gowl li ddeċieda l-konfront wasal fit-38 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ Jay Rodriguez wara kross ta’ Charlie Taylor.
//= $special ?>