Futbol Sport

Roma jirritornaw għar-rebħ u Atalanta fit-tielet post

(Ritratt: EPA)

Roma rritornaw għar-rebħ u flimkien mar-rebħa ta’ Napoli, iż-żewġ timijiet reġgħu qabżu lil Milan. Atalanta telgħu fit-tielet post filwaqt li Torino kisbu rebħa importanti ħafna fit-taqtigħa li jevitaw ir-relegazzjoni.

BERGAMO – Atalanta telgħu momentarjament fit-tielet post b’rebħa ta’ 2-0 kontra Sampdoria f’darhom. Il-gowls li taw it-tliet punti lit-tim ta’ Giampiero Gasperini waslu fl-aħħar kwarta. L-ewwel kien id-difensur RAFAEL TOLOI li fetaħ l-iskor b’daqqa ta’ ras fil-75 minuta biex LUIS MURIEL għalaq il-logħba għaxar minuti wara b’xutt minn barra l-kaxxa.

BOLOGNA – Sassuolo telgħu fit-tmien post bi 43 punt wara rebħa ta’ 2-1 kontra Bologna fi Stadio Renato Dall’Ara. DOMENICO BERARDI fetaħ l-iskor fil-41 minuta wara li rċieva mingħand Mert Muldur, bil-plejer LUKAS HARASLIN jirdoppja fis-56 minuta. MUSA BARROW naqqas id-distakk fil-91 minuta.

FIRENZE – Draw bejn Fiorentina u Cagliari fi Stadio Artemio Franchi li jgħin lil Fiorentina biex ikomplu jersqu lejn il-konferma tas-salvazzjoni. Cagliari bdew il-logħba aħjar u kellhom okkażjoni ta’ Radja Nainggolan filwaqt li Giovanni Simeone kellu gowl imħassar għal offside. Fiorentina wieġbu b’tentattivi ta’ Duncan li ħabat mal-lasta u Ribery qabel tmiem l-ewwel taqsima. Fit-tieni taqsima deċiżivi ż-żewġ settijiet ta’ gowlkipers Bartlomiej Dragowski u Alessio Cragno.

ĠENOVA – Napoli kisbu s-seba’ rebħa fl-aħħar tmien logħbiet b’rebħa ta’ 2-1 kontra Genoa fi Stadio Marassi, liema telfa kompliet titfa’ lil Genoa f’periklu ta’ relegazzjoni. DRIES MERTENS fetaħ l-iskor eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima b’xutt fil-baxx għar-rokna. EDOARDO GOLDANIGA ġab id-draw fid-49 minuta b’daqqa ta’ ras minn korner mil-lemin iżda HIRVING LOZANO skorja l-gowl tar-rebħa fis-66 minuta wara passaġġ fit-tul ta’ Fabian Ruiz.

RUMA – Roma rritornaw għar-rebħ wara tliet telfiet konsekuttivi b’rebħa missielta ta’ 2-1 kontra Parma fi Stadio Olimpico. Kienu Parma li fetħu l-iskor wara disa’ minuti b’penalty ta’ JURAJ KUCKA. Roma ġabu d-draw fit-43 minuta b’xutt mill-ewwel ta’ HENRIKH MKHITARYAN biex JORDAN VERETOUT skorja l-gowl tar-rebħa fis-57 minuta b’xutt potenti minn barra l-kaxxa.

TURIN – Torino ħadu nifs twil fit-tentattiv li jsalvaw posthom fis-Serie A wara li għelbu lil Brescia 3-1, b’tal-aħħar jidhru destinati għar-relegazzjoni. Ironikament kienu Brescia li fetħu l-iskor fil-21 minuta meta ERNESTO TORREGROSSA qabbeż fuq Salvatore Sirigu. Reazzjoni minn Torino fit-tieni taqsima li ġabu d-draw fit-48 minuta minn awto-gowl ta’ Ales Mateju. ANDREA BELOTTI skorja l-gowl tal-vantaġġ b’daqqa ta’ ras mill-viċin fit-58 minuta biex l-attakkant SIMONE ZAZA għalaq il-logħba bit-tielet gowl fis-86 minuta.

Serie A

Ilbieraħ: Lecce v Lazio 2-1, Milan v Juventus 4-2

Illum: Atalanta v Sampdoria 2-0, Bologna v Sassuolo 1-2, Fiorentina v Cagliari 0-0, Genoa v Napoli 1-2, Roma v Parma 2-1, Torino v Brescia 3-1

Għada: Spal v Udinese 7.30pm, Verona v Inter 9.45pm