Lokali Qorti

Seba’ xhur ħabs wara li tlajjat għal skop ta’ prostituzzjoni

Mara ta’ 35 sena mill-Ħamrun ġiet kundannata seba’ xhur ħabs mill-Maġistrat  Caroline Farrugia Frendo li f’April li għadda hija tlajjat fil-Gżira u l-Marsa għal skop ta’ prostituzzjoni u li rriffjutat li tagħti l-informazzjoni mitluba mill-Pulizija.

Charlene Gatt instabet ħatja li fid-9 ta’ April li għadda għall-ħabta 9.15pm fil-Gżira u fis-16 ta’ April għall-ħabta tad-9.30pm fil-Marsa wettqet dawn i-reati f’post pubbliku.

Hija nqabdet minn Pulizija mara li fil-Qorti qalet li waqt li kienet għaddejja bil-karozza tagħha nnutata li kienet qed tħajjar persuni għall-prostituzzjoni fil-Gżira u anke f’Ta’Xbiex. Hija ratha tagħmel dawn il-movimenti għal darba darbtejn.

Il-Pulizija qalet li t-tieni darba li Gartt kienet innutata titlajja, kif hija kienet se tiġi mitkellma minnha, telqet tiġri.

Hija tathom isem ukoll li ma kienx tagħha, fejn fil-fatt qaltilhom li jisimha Stacy Gatt. Anke meta kienet inqabdet titlajja fi Triq is-Salib il-Marsa, xehdet Pulizija oħra, din tagħthom l-isem ta’ Stacy Gatt.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti kkunsidrat il-fatt li l-mara inkwistjoni ngħatat diversi opportunitajiet biex tbiddel ħajjitha u tibda tgħix ħajja ġdida, liema opportunitajiet hija ma ħaditx. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Godwin Scerri.