Sport Waterpolo

Stevie Camilleri se jkompli l-karriera ma’ Muri Antichi fil-kampjonat Taljan A2

(Ritratt: Trevor Sollars)

Il-captain tat-tim nazzjonali Stevie Camilleri se jkompli l-karriera tiegħu barra minn Malta hekk kif tħabbar plejer ġdid ta’ Muri Antichi fil-kampjonat Taljan A2. Camilleri hu meqjus bħala l-aqwa plejer lokali u wieħed mill-aqwa ta’ kull żmien b’karriera mimlija suċċessi. Fl-istaġun li għadda, Muri Antichi spiċċaw fid-disa’ post fil-kampjonat Taljan A2 fir-Reġjun tan-Nofsinhar. Hu kien ilu ma’ Roma minn Settembru tal-2017 u lagħab ukoll mal-klabb fil-kampjonat A2.

F’dak l-istaġun hu kellu staġun mill-aqwa fejn spiċċa l-aqwa skorer tal-kampjonat b’66 gowl minn 22 logħba, b’Roma jiksbu l-promozzjoni mat-tielet tentattiv tagħhom. Fl-istaġun 2018/19, Camilleri kien is-sitt l-aqwa skorer fil-kamponat A1 u reġa’ kien l-aqwa skorer ta’ Roma bi 53 gowl, b’Roma jispiċċaw fis-sitt post minn 14-il tim.

Sakemm waqqaf il-kampjonat fl-istaġun li għadda, Stevie Camilleri kien l-aqwa skorer tal-kampjonat b’47 gowl filwaqt li Roma kienu f’nofs il-klassifika. Fil-karriera tiegħu, Stevie Camilleri lagħab ukoll ma’ Partizan Belgrade, Sette Scogli, Bogliasco u Ortigia.

Camilleri se jkun qed jilgħab fil-Kampjonat tas-Sajf ma’ Neptunes, klabb li tiegħu hu captain. Ma’ Neptunes hu rebaħ il-Kampjonat tas-Sajf 10 darbiet, sitt darbiet il-Kampjonat tax-Xitwa, sitt darbiet in-knock-out u tmien darbiet it-Tazza tal-President.