Lokali

TĦASSIB DWAR IL-BEJGĦ U L-KIRJIET – Stħarriġ fost in-negozji ż-żgħar

Disgħin fil-mija tan-negozji irrappurtaw tnaqqis qawwi fil-bejgħ tagħhom waqt l-imxija tal-Covid-19 f’pajjiżna meta mqabbel mal-istess żmien is-sena li għaddiet.

Dan joħroġ minn stħarriġ ikkummissjonat mill-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji li sar fost il-membri tagħha fl-aħħar ta’ Ġunju, ġimgħatejn wara li l-Gvern ħabbar l-aħħar sett ta’ miżuri.

Terz minn dawn in-negozji irrapportaw li l-bejgħ naqsilhom bin-nofs filwaqt li terz ieħor irraportaw tnaqqis saħansitra ta’ 90% meta mqabbel mal-istess żmien tas-sena li għaddiet. Il-parti l-kbira ta’ din l-aħħar kategorija huma negozji mill-Belt Valletta, li ntlaqtu l-iktar mill-għeluq tal-fruntieri u l-ħaddiema li normalment jiffrekwentaw il-Belt u li kienu qed jaħdmu mid-djar tagħhom.

F’konferenza tal-aħbarijiet li fihom ħabbru r-riżultati ta’ dan l-istħarriġ, il-President tal-Kamra Paul Abela, flimkien mal-Viċi President Marcel Mizzi u l-Kap Ezekuttiv Abigail Mamo, esprimew l-inkwiet tagħhom li 70% ta’ dawk li kienu intervistati jaħsbu li mhux se jwasslu sa sena oħra.

Mistoqsija dwar x’inhu l-iktar li qed jinkwetahom, 79% ta’ dawk li wieġbu qalu li in-nuqqas ta’ bejgħ, 70% l-inċertezza b’mod ġenerali u 57% il-pagi tal-impjegati. 33% il-kontijiet tad-dawl u l-ilma u 31% il-ħlas tal-kera.

L-istharrig juri li minkejja t-tnaqqis qawwi fil-bejgħ, 66% tan-negozji ma tawx sensji. Madanakollu, Paul Abela qal li s-sitwazzjoni taf tinbidel f’Settembru u ħeġġeġ lill-Gvern biex jikkonsidra li jkompli bil-miżura tal-wage suppliment lil hinn minn Settembru u tinżamm sakemm it-turiżmu jirpilja.

Iżda filwaqt li l-wage supplement temporanjament żammet milli jkun hemm sensji tal-massa, il-miżura tal-kirjiet jidher ċar li mhix biżżejjed.

Kważi nofs in-negozji intervistati jaħdmu minn propjeta mikrija u 62% ta’ dawn in-negozji iħallsu bejn €2,000 u €5,000 fix-xahar. 46% ta’ dawk li wieġbu qalu li s-sidien tal-kirjiet ma’ għenu xejn waqt iż-żmien tal-Covid, 18% ipposponew il-kera għal data oħra u 20% offrew tnaqqis fil-kera.

Il-miżura ta’ għotja ta’ darba sa massimu ta’ €2,500 lil dawk in-negozji li jikkwalifikaw, mhix effettiva.

Il-Kamra tal-SME’s qed izzomm mal-proposta li kienet għamlet li l-Gvern jaħfer it-taxxa ta’ 15% fuq dħul mill-kirjiet, diment li dak li  jiffranka s-sid il-kera f’taxxa, ikun mgħoddi lin-negozji li qed jikru.