Il-lejla ltaqa’ l-Grupp Parlamentari sħiħ tal-Partit Nazzjonalista, inkluż il-Membri Parlamentari Ewropew, fejn iittieħed vot fuq id-domanda: Għandek fiduċja f’Adrian Delia bħala Kap tal-Oppożizzjoni. Il-mozzjoni biex issir din id-domanda tressqet mid-deputat Chris Said u kienet sekondata mid-deputat Therese Commodini Cachia.
Il-Kap tal-Partit informa lill-Grupp Parlamentari li bi ħsiebu jsejjaħ immedjatament laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv fuq l-istess suġġett.
Wara li l-Kap għamel din id-dikjarazzjoni, Chris Said insista li xorta waħda jittieħed il-vot li fuq talba tal-istess Membri tal-Grupp Parlamentari ittieħed b’mod sigriet, u ir-riżultat kien: 19 LE, 11 IVA.
Il-Kap tal-Partit se jsejjaħ immedjatament laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv fuq l-istess vot.
AKTAR KMIENI
Għall-ħabta tas-1am ġiet fi tmiemha l-laqgħa tal-Grupp Parlamentari tal-PN li saret fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.
Il-laqgħa kienet bdiet għall-ħabta tas-7:30pm.
Il-laqgħa kienet waħda skedata, u tħabbret mill-Kap tal-PN Adrian Delia innifsu nhar il-Ħadd li għadda. Fi tmiemha, numru ta’ Deputati tal-PN dehru ħerġin mid-Dar Ċentrali, iżda ħadd ma ta kummenti lill-ġurnalisti li kienu miġbura fuq barra.
Aktar kmieni illum, Adrian Delia insista li ħadd u xejn m’hu se jwaqqfu mili jkompli bil-ħidma tiegħu għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.
//= $special ?>