Lokali Qorti

Akkużat li ried iżewweġ lil bintu bilfors

Hija ġrajja li tħallik bla kliem; l-istorja ta’ tfajla ta’ 15-il sena li missierha ried jisfurzaha fi żwieġ. U tant kien persistenti, li allegatament spiċċa jsawwatha. Sakemm kienu l-Pulizija li waslu fir-residenza fil-Ħamrun…u salvawha.

Ir-ragel Sirjan tressaq il-Qorti l-Ħamis quddiem il-Magistrat Joe Mifsud, akkużat li sawwat lit-tifla tiegħu…u li prova iżewwiġha raġel tal-għażla tiegħu.

Is-Sirjan qed jiċħad dawn l-akkużi, bid-difiża tgħid li l-missier…lanqas li kieku ried ma seta jsawwat lil bintu, għaliex jahdem mit-Tnejn sal-Hadd. Peter Paul Zammit, li deher ghas-Sirjan, insista li t-tifla għandha passat fejn hi stess kienet tweġġa’ lilha innifisha.

L-Ispettur John Spiteri minn naħa tiegħu insista li t-tifla irċiviet theddid u kienet imbezza’. Anke wieħed minn uliedu s-subien irraporta li kien imsawwat.

It-talba għal-liberta proviżorja ġiet miċħuda.

It-tfajla qed tingħata assistenza mill-Appoġġ.

Jidher li dan il-kaz qed ikun meqjus bħala l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu, deskritt bħala reat ta’ unur – għaliex il-missier ma riedx li bintu twaqqa’ l-unur ta’ din il-familja Sirjana.