L-Oxfam – il-konfederazzjoni ta’ organizzazzjonijiet karitatevoli indipendenti li qed jikkonċentraw fuq l-inizjattivi biex inaqqsu l-faqar globali – wissiet li l-ġuħ li mistenni jirriżulta b’konsegwenza tal-Covid-19 kapaċi joqtol aktar nies (madwar id-dinja) mill-virus innifsu.
Skont din it-twissija, sal-aħħar tas-sena jista’ ikun hemm sitwazzjoni fejn, kuljum, ‘ikunu qed imutu 12,000 persuna mill-effetti tal-ġuħ relatati mal-coronavirus’.
Sitwazzjoni hekk traġika għandha l-potenzjal biex, ‘il quddiem, ‘titfi’ l-imwiet dovuti għall-infezzjonijiet bil-Covid-19 u l-kumplikazzjonijiet irrelatati.
Il-kelliema għall-Oxfam spjegaw li numru ta’ fatturi se jikkaġunaw spinta fl-ammonti ta’ persuni li qed imutu mill-ġuħ jew li ‘ma jkollhomx biżżejjed ikel fuq il-mejda’.
Konsegwenzi oħra ta’ tħassib jistgħu jaslu fil-forma ta’ aktar qgħad fuq livell tal-massa; kumplikazzjonijiet kbar għall-produtturi tal-ikel li jridu jiffaċċaw sitwazzjonijiet ta’ lockdown u problemi akuti oħrajn għad-distribuzzjoni tal-ikel.
Ir-rapport jidentifika għaxar pajjiżi li jistgħu jispiċċaw ‘ċentri ta’ kriżi ewlenin’ – indikati bħala ‘hunger hotspots’.
Dawn huma l-Jemen, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, l-Afganistan, il-Veneżwela, ir-Reġjun ta’ Sahel fil-Punent tal-Afrika, l-Etjopja, is-Sudan t’Isfel, is-Sirja, is-Sudan u Haiti.
Sadanittant, l-Indja mill-ġdid saret iċ-ċentru tal-attenzjoni meta n-numru ta’ infezzjonijiet ikkonfermati fi ħdanha tela’ għal aktar minn 750,000 każ, wara l-akbar qabża ta’ każi għal ġurnata waħda mindu feġġet il-pandemija fil-pajjiż.
L-awtoritajiet Indjani rappurtaw 25,000 infezzjoni ġdida mill-Covid-19 f’perjodu ta’ 24 siegħa – bl-agħar Stati affettwati jkunu Maharashtra u Tamil Nadu, b’Delhi wkoll tirrapporta inċidenza allarmanti ta’ każi.
Illum, sitt xhur wara li reġistrat l-ewwel infezzjoni konfermata, l-Indja għaddiet lir-Russja bħala t-tielet l-aktar pajjiż tad-dinja li ġarrab każi tal-Covid-19.
L-infezzjonijiet ġodda anki qed jitilgħu b’rata mgħaġġla f’diversi bnadi tal-Amerika Latina.
Il-Messiku l-Arġentina t-tnejn kellhom numru rekord ta’ infezzjonijiet għal perjodu speċifiku ta’ 24 siegħa. L-uffiċjali fil-Messiku qalu li f’dan il-perjodu kkonfermaw mas-7,000 infezzjoni ġdida fuq bażi lokali, waqt li l-Arġentina rappurtat ftit aktar minn 3,600. Minkejja ċ-ċifri, l-awtoritajiet tas-saħħa fil-Messiku qalu li l-firxa tal-pandemija tidher li qed ‘tonqos’ fil-pajjiż.
//= $special ?>