Ekonomija Lokali

“Fadal kwistjonijiet kbar li jridu jiġu indirizzati”

Ir-reputazzjoni hija kollox – hekk kiteb Marcel Cassar, Kap Ezekuttiv tal-bank APS u eks Chairman tal-Malta Bankers Association, illi f’artiklu fit-Times of Malta saqsa kif Malta sabet ruħha f’sitwazzjoni fejn is-settur finanzjarju ħa daqqa kbira u qed nirriskjaw li nfallu mit-test importanti tal-Moneyval.

Cassar wassal appell qawwi biex bħala pajjiż nerġgħu niksbu r-reputazzjoni li xi darba kellna, li r-regolaturi finanzjarji jkollhom l-indipendenza u protezzjoni mill-pressjoni ta’ politiċi u oħrajn.

Insista li l-ħatriet f’entitajiet tal-Gvern u istituzzjonjiet oħra għandhom ikunu bbażżati fuq il-mertu u l-għarfien li għandu l-individwu, biex b’hekk il-persuni inkarigati jkollhom tassew il-kompetenza mistħoqqha għal dan ix-xogħol.

Huwa fakkar li l-persuni li jinħatru jkunu qed jirrapreżentaw lil Malta f’settur daqstant kruċjali fejn insista li dawn il-persuni għandhom ikollhom l-integrità fir-rwol li jħaddnu.

Fl-istess waqt ħeġġeġ biex kemm il-politiċi u anke r-regolaturi Maltin għandhom jelliminaw kull konflitt ta’ interess. Fost l-oħrajn ftakar li r-regoli u l-linji gwida għandhom jibqgħu segwiti dejjem u li bħalissa dawn l-istess linji għandhom relevanza kbira.

L-eks chairman tal-Assoċjazzjoni tal-Bankiera fakkar fiż-żmien meta beda jissawwar is-settur finanzjarju f’pajjiżna fl-1994, fi żmien Gvern Nazzjonalista, dak iż-zmien konna naspiraw li nkunu bħal-Lussemburgu u l-Irlanda u bħala pajjiż kien irnexxielna. Iżda llum, il-Gvern qed jaffaċċja sitwazzjoni fejn ħafna qed jistaqsu dwar ir-reputazzjoni tagħna, bi tħassib kbir rigward it-test tal-Moneyval li jinsab fil-qrib.