L-imxija tal-Covid-19 ġabet magħha żmien diffiċli għal kulħadd inkluż l-artisti li ħafna minnhom spiċċaw bla xogħol u bil-produzzjonijiet tagħhom imħassra. Iżda dan kien ukoll żmien li għaqqad lin-nies u fakkarna fl-importanza tal-familja, l-ħbiberija u t-tama.
Kienet proprju organiżżazzjoni fir-Russja illi stiednet lil Claire McCartin u Rebecca Mifsud sabiex jirrappreżentaw lil Malta billi jkantaw vers bil-Malti f’rendizzjoni ta’ din il-kanzunetta. Il-messaġġ pożittiv ta’ din is-silta saħansitra ispirahom biex jiktbu l-kanzunetta sħiħa bil-Malti u stiednu tlettax-il kantant lokali u disat itfal biex jieħdu sehem f’dan il-proġett.
Minħabba l-miżuri ta’ prekawzjoni li kienu fis-seħħ, kull artist kellu jiffilmja lilu nnifsu jkanta l-vrus tiegħu u ħafna minnhom fil-fatt għażlu li jagħmlu dan fid-dar tagħhom stess. Kien biss grazzi għad-dedikazzjoni u mpenn tal-artisti kollha flimkien mat-tim tal-produzzjoni minn TwelveGold u Somnio Studios li dan il-proġett seta’ jitwettaq.
It-tim iħoss illi permezz ta’ dan il-proġett jista’ jrodd lura lill-komunita’. Għaldaqstant issieħeb mal-Fondazzjoni Richmond sabiex ikun hawn aktar għarfien dwar ix-xogħol siewi li din il-fondazzjoni tagħmel fil-qasam tas-saħħa mentali. Huwa mportanti ħafna li nitkellmu dwar dan is-suġġett b’mod partikolari f’dan iż-żmien delikat fejn ilkoll kemm aħna ġejna b’xi mod milquta mill-imxija tal-Covid-19. Huwa mportanti wkoll li ngħinu lill-Fondazzjoni Richmond permezz tad-donazzjonijiet tagħna sabiex din tkun tista’ tkompli toffri s-servizzi tagħha lin-nies li għandhom bżonn l-għajnuna.