Sport Waterpolo

Id-data tat-tmiem tal-istaġun Malti wassal lil Stevie Camilleri biex jagħżel tim fil-kampjonat Taljan A2

(Ritratt: Martin Agius)

Isem Stevie Camilleri sar sinonimu fil-waterpolo Taljan hekk kif ilu jilgħab f’dan il-pajjiż għal aktar minn għaxar snin. It-trasferiment tiegħu ma’ Muri Antichi ntlaqa’ b’entużjażmu minn dawk kollha midħla tal-klabb minn Catania.

Din mhux se tkun l-ewwel esperjenza ta’ Camilleri fil-kampjonat Taljan A2. Fl-istaġun 2014/15 lagħab ma’ Sette Scogli filwaqt li fl-istaġun 2017/18 lagħab ma’ Roma Nuoto. Il-kwalitajiet ta’ Camilleri wasslu biex f’dawn iż-żewġ staġuni skorja aktar minn 150 gowl. Ħafna jistaqsu kif il-plejer Malti ta’ 33 sena se jilgħab fil-kampjonat A2 meta fl-istaġun li għadda, kien l-aqwa skorer tal-ogħla diviżjoni Taljana qabel waqaf il-kampjonat minħabba l-Covid-19. Ir-raġuni prinċipali hi marbuta mal-istaġun Malti.

Minħabba l-coronavirus, il-Kampjonat tas-Sajf f’pajjiżna se jibda fil-21 ta’ Lulju minflok fl-ewwel ġimgħa ta’ Ġunju. L-istaġun hu skedat li jintemm fl-14 ta’ Ottubru u minħabba l-impenn li għandu mat-tim ta’ Neptunes, Camilleri ħass li ma jistax jikkommetti ruħu ma’ klabb Taljan tal-A1. Dan minħabba li l-kampjonat Taljan A1 jibda f’Ottubru filwaqt li l-kampjonat A2 jibda f’Novembru. “Ġejt avviċinat minn numru ta’ klabbs oħra imma ridt li nibqa’ viċin Malta. Din l-opportunità waslet fl-aħħar jiem. Huma kienu konvinċenti u ddeċidejt li kienet l-aħjar għażla għalija,” qal Stevie Camilleri f’kuntatt ma’ dan is-sit.

Qabel jibda dan l-impenn, Stevie Camilleri se jkun qed jimmira li jmexxi lil Neptunes għar-rebħ ta’ aktar unuri, fosthom il-mira tat-tielet kampjonat konsekuttiv. Fil-karriera tiegħu barra minn Malta, Stevie Camilleri lagħab ma’ Partizan Belgrade, Bogliasco Sette Scogli, Ortigia u Roma Nuoto.