Internazzjonali

Il-WHO twaqqaf panel biex jirrevedi r-reazzjoni tagħha għall-pandemija

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) ħabbret li waqqfet panel partikulari li se jirrevedi u jevalwa r-reazzjoni – fuq livell globali – għall-pandemija tal-Covid-19.  

Meta kellem lill-Istati-membri tal-WHO f’Ġinevra ( fl-Iżvizzera), il-Kap tal-WHO, Tedros Adhanom Ghebreyesus qal li l-eks Prim Ministru ta’ New Zealand, Helen Clark u l-eks President tal-Liberja, Ellen Johnson Sirleaf, se jkunu qed imexxu flimkien dan il-panel bħala ko-chairpersons.

Dan meta l-panel se jkun jismu Panel for Pandemic Preparedness and Response.

Tedros Adhanom Ghebreyesus insista li dan hu żmien ta’ riflessjoni u analiżi, fejn wieħed irid ‘iħares lejn id-dinja li qed ngħixu fiha waqt li jipprova jsib il-mezzi lejn it-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi’. Hu enfasizza l-ħtieġa  li l-Istati jaħdmu flimkien, bħala kollettiv, bil-għan li jsalvaw il-ħajja u biex il-pandemija tal-Covid-19 tinġieb taħt kontroll.

Il-WHO ilha żmien suġġetta għall-pressjoni biex tirrevedi l-mod kif hi konfrontat il-pandemija fl-aħħar xhur.

Spikkat fuq il-kollox il-kritika minn xi pajjiżi – b’mod notevoli l-Istati Uniti – meta l-Gvern Amerikan qed jinsisti li l-WHO damet titnikker wisq biex twieġeb għall-bidu tal-pandemija fiċ-Ċina. L-aktar akkuża konsistenti tal-Istati Uniti fil-konfront tal-WHO hi li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ‘hi qrib wisq taċ-Ċina minbarra li hi kontrollata mir-reġim ta’ Beijing.

Fil-fatt, ftit tal-jiem ilu, l-Istati Uniti formalment innotifikat lin-Nazzjonijiet Uniti dwar l-intenzjoni tagħha biex tispiċċa minn membru tal-WHO.

Intant, l-impenn għall-evalwazzjoni mħabbar mill-WHO ( u li kien oriġinarjament approvat f’Mejju waqt l-Assemblea Dinjija tas-Saħħa)  mhux talli se janalizza r-reazzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija għal din il-kriżi iżda anki l-mod ‘kif wieġbu għaliha’ il-pajjiżi milquta, fuq bażi individwali.

L-aħħar ċifri dwar l-infezzjonijiet bil-Covid-19 fuq livell globali ikkonfermaw mat-12-il miljun każ, flimien ma’ 549,000 mewta dovuta għall-coronavirus madwar id-dinja.