Lokali Unjoni Ewropea

Ir-regoli kontra l-ħasil tal-flus iwaqqfu l-kriminalità u jgħinu n-negozji onesti – Casa

Waqt li kien qed jindirizza s-Sessjoni Plenarja tal-Parlament Ewropew fi Brussell, il-Membru tal-Parlament Ewropew David Casa insista dwar il-bżonn urġenti ta’ regoli kontra l-ħasil tal-flus li mhux biss jidħlu fis-seħħ, imma jkunu implimentati fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea.

“Regolament tal-UE li jiġġieled il-ħasil tal-flus mhux biss jipprevjeni kriminali milli jabbużaw minn xi nuqqasijiet, imma jiffaċilità l-ħidma ta’ negozji onesti, speċjalment dawk li jaħdmu f’aktar minn Stat Membru wieħed,” qal Casa.

Waqt li għamel referenza għas-sitwazzjoni f’Malta, Casa spjega kif il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia nqatlet għaliex l-istituzzjonijiet Maltin ma wettqux dmirhom. “Meta l-istituzzjonijiet ta’ superviżjoni jfallu milli jinvestigaw każijiet ta’ korruzzjoni u ħasil tal-flus, jkunu l-ġurnalisti investigattivi li jikxfu dawn l-atti kriminali,” qal Casa.

Fid-diskors tiegħu, ċ-Chairperson tal-Kwesturi tal-Parlament David Casa insista li r-regoli kontra l-ħasil tal-flus m’għandhomx jitħallew għal fuq il-karta, imma għandhom ikunu nfurzati. “Il-liġijiet ikunu bla valur jekk ma jkunux infurzati. Daqshekk b’banek kriminali li jitħallew għaddejjin minkejja provi ċari li jkunu ffaċilitaw il-ħasil tal-flus. Daqshekk b’kumpaniji tal-accountants, bħal Nexia BT, li jitħallew għaddejjin f’dinja parallela fejn il-liġijiet ma japplikawx għalihom.”

David Casa hu l-kelliem tal-Grupp tal-PPE kontra l-ħasil tal-flus fil-Kumitat tal-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji. Hu mexxa d-dibattitu ilbieraħ filgħaxija f’isem il-Grupp tal-PPE. “Hemm bżonn li nqumu għall-okkażjoni, u nassiguraw li ebda persuna ma titħalla weħidha fin-nofs bejn il-kriminali u l-profitti llegali tagħhom,” temm jgħid Casa.