Internazzjonali

Iran: L-attakk tal-Istati Uniti fuq il-Ġeneral Soleimani kien illegali

Esperta man-Nazzjonijiet Uniti qalet li l-attakk mill-Istati Uniti, fil-bidu tas-sena, li fih inqatel il-Ġeneral Iranjan, Qasem Soleimani, kien seħħ b’abbuż tal-liġi internazzjonali. Soleimani kien miet f’Jannar, flimkien ma’ disa’ persuni oħra, waqt attakk bid-drone fuq zona qrib l-ajruport ta’ Bagdad, fl-Iraq.

Sadanittant, Agnes Callamard, ir-rapporteur speċjali tan-NU dwar il-qtil extra-ġudizzjarju, qalet li l-Istati Uniti ma provdietx biżżejjed provi biex tiġġustifika l-attakk bħala ‘azzjoni intenzjonata biex tevita theddida għall-ħajja imminenti (min-naħa tal-Iran)’. Fl-istess ħin, id-Dipartiment tal-Istat Amnerikan akkuża lil Callamard b’li qed ‘tiġġustifika l-aġir ta’ terroristi.’

L-Iran, il-ġimgħa l-oħra, ħareġ mandati għall-arrest tal-President Amerikan Donald Trump u 35 persuna oħra fuq akkużi ta’ ‘omiċidju u terroriżmu’ relatati għall-qtil ta’ Soleimani li kien l-aktar uffiċjal Iranjan influwenti wara l-Mexxej Suprem tal-Iran, l-Ayatollah Ali Khamenei.

Soleimani kien imexxi l-qawwa tal-Quds, il-fergħa tal-Gwardja Rivoluzzjonarja nkarigata mill-missjonijiet barra l-Iran, waqt li kien jimplimenta l-politika tal-Iran fir-reġjun tal-Lvant Nofsani.