MESSAĠĠ MILL-KAP TAL-OPPOŻIZZJONI ADRIAN DELIA
Sibna quddiemna żminijiet diffiċli, żminijiet iebsa li inġiebu minn niesna stess. Jien kont elett bħala l-Kap ta’ dan il-partit kbir sabiex flimkien nimplimentaw ‘Il-Mod Ġdid’ u sa issa pruvajt darba wara l-oħra sabiex dan iseħħ. Dan il-mod ġdid ma kienx faċli biex jiġi implimentat, il-modi antiki ġġieldu lura, iżda jien għadni hawn.
Ma nistax ngħid li ma weġġajtx b’dawn l-iżviluppi li ġabu b’idejhom ċertu individwi; u iva, jien rrabjajt dwar dan, kif naf li kull wieħed u waħda minnkom tinsabu rrabjati wkoll.
Dan il-partit dejjem baqa’ għaddej permezz tal-abbilità li jgħaqqad lin-nies, li jġib flimkien u mhux jifred. Sabiex inkun ċar, se jittieħdu azzjonijiet fil-ħin opportun u fi ħdan l-istrutturi tal-partit.
Sadanittant, jien se nibqa’ miftuħ għal dawk kollha ta’ dan il-grupp li għalissa għadhom parti mill-PN sabiex niddiskutu u nirrikonċiljaw.Intom in-nies tagħna li tgħoddu, intom tgħoddu għal dan il-partit u fuq kollox għalija.
Jien mhu se naqta’ qalbi qatt, miniex se nabbanduna lilkom jew lill-partit.
Flimkien se negħlbu lil dan l-ostaklu, b’saħħitna aktar minn qatt qabel.