L-Awstralja sospendiet it-trattat tal-estradizzjoni ma’ Hong Kong fost tħassib dwar il-liġi ġdida tas-sigurtà li r-reġim komunista taċ-Ċina qed jimponi fuq Hong Kong – eks kolonja Britannika u hub finanzjarju importanti tal-Asja.
Il-Prim Ministru Awstraljan, Scott Morrison, qal li l-liġi ġdida li insista dwaru Beijing qed ittellef ‘il-liġi bażika ta’ Hong Kong’ flimkien mal-livell tal-awtonomija li suppost qed igawdi dan it-territorju. Morrison qal ukoll li l-Awstralja qed taħseb biex testendi l-visas għar-residenti ta’ Hong Kong u biex tinkoraġġixxi ‘ir-rilokazzjoni’ tan-negozji u l-intrapriżi fit-territorju.
Iċ-Ċina tinsab mgħaddba għall-aħħar azzjoni tal-Awstralja fir-rigward ta’ Hong Kong u kritikat il-pass bħala ‘indħil sfaċċat’ fl-affarijiet domestiċi tagħha.
Hong Kong kienet spiċċat minn kolonja Britannika fl-1997 u fejn għaddiet taħt l-amministrazzjoni taċ-Ċina skont ftehim fuq bażi ta’ ‘partit wieħed b’żewġ sistemi’ u li taħtu Hong Kong irid igawdi livell ta’ awtonomija.
Intant, l-Ambaxxata Ċiniża fl-Awstralja, fl-aħħar sigħat, wissiet biċ-ċar biex il-Gvern ta’ Morrison ‘jieqaf immedjatament mill-indħil (fl-affarijiet taċ-Ċina)’.
Mindu l-liġi ġdida tas-sigurtà daħlet fis-seħħ f’Hong Kong, jiem ilu, il-Kanada wkoll issospendiet it-trattat tal-estradizzjoni mat-territorju inkwistjoni – bir-Renju Unit qed joffri għażliet ta’ ċittadinanza lir-residenti ta’ Hong Kong.
Il-kritiċi tal-liġi ġdida għal Hong Kong jgħidu li din tagħmilha eħfef biex id-dimostranti u kritiċi tal-Gvern Ċiniż jispiċċaw esposti għall-pieni u priġunerija. Filwaqt li partijiet tal-liġi jħallu lok għal dubju, mhux eskluż li l-liġi tista’ twassal biex il-barranin f’Hong Kong ukoll jisfaw vittmi ta’ ‘arrest arbitrarju’.
Il-Gvern ta’ Hong Kong qed jirribatti li l-liġi ġdida hi meħtieġa għaż-żamma tal-ordni u l-istabbilità fit-territorju wara l-protesti kbar – u kultant vjolenti — favur id-demokrazija li kienu saru f’Hong Kong matul is-sena li għaddiet.
//= $special ?>