Lokali Qorti

“Ma tafux kemm tiswa trencher?”

Wieħed mill-ġirien tal-familja Pace spjega fil-Qorti kif hu u familtu jinsabu mkissrin moralment …u għalissa ma jħossuhomx lesti li joqogħdu f’darhom. Martu, li kienet ħabiba ta’ Miriam Pace, qed tieħu kura psikoloġika u tieħu l-medicina.

Hekk kif fil-Qorti kompliet il-kumpilazzjoni marbuta mal-qtil ta’ Miriam Pace li kienet intradmet taħt it-tiġrif ta’ darha stess…intqal illi l-Perit tal-proġett kien qal lill-ġirien, “Ma tafux kemm tiswa trencher?” Dan għaliex ir-residenti riedu li tintuża trencher minflok makkinarju b’musmar kbir biex jitkisser il-blat.

Intqal ukoll illi mart ix-xhud kienet innutat li l-makkinarju kien mexa dakinhar li seħħ l-inċident.

Fil-Qorti, xehdu wkoll ġirien oħra li kellhom garaxx fi Triq Abela Scolaro u raġel li tgħaffġitlu l-karozza taħt it-terrapien…illi qalu li għadhom ma ngħatawx kumpens

Quddiem il-Magistrat Joe Mifsud, xehdu wkoll żewġ uffiċjali tal-pulizija dwar dak li raw malli waslu fuq il-post.

Dan l-inċident traġiku kien sehh fit-2 ta’ Marzu li għadda fil-Ħamrun. Miriam Pace, li kellha 54 sena, kienet f’darha meta l-bini sfronda minħabba xogħol ta’ kostruzzjoni li kien għaddej maġenbu.

L-4 persuni li jinsabu akkuzati huma l-perit tal-proġett ta’ 36 sena residenti r-Rabat, is-Site Technical Officer ta’ 72 sena residenti l-Gżira, il-kuntrattur ta’ 37 sena residenti Ħaż-Żebbuġ u ħaddiem ta’ 42 sena residenti l-Imqabba.

Intant, fit-28 ta’ Lulju li ġej se jsir aċċess fis-sit fejn iġġarraf il-bini.