Futbol Sport

Manchester United ikomplu jirbħu f’partita konvinċenti f’Villa Park

(Ritratt: EPA)

F’Villa Park, Manchester United komplew bir-rebħ meta għelbu lil Aston Villa 3-0. Kienu Aston Villa li resqu viċin li jiftħu l-iskor meta x-xutt ta’ Trezeguet deher iħakkek mal-lasta. Manchester United ingħataw penalty fis-26 minuta meta Ezri Konsa deher iwaqqa’ lil Bruno Fernandes fil-kaxxa, bir-referee jordna penalty.

Minn ħdax –il metru l-istess FERNANDES ma jiżbaljax. It-tim ta’ Ole Gunnar Soslkjaer kellu ċans li jirdoppja minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima meta wara cross ta’ Luke Shaw, Fernandes bir-ras naqas milli jinkwadra l-lasta. Manchester United rduppjaw fil-ħin addizzjonali ta’ tmiem l-ewwel taqsima meta minn kontrattakk veloċi kien iż-żgħażugħ MASON GREENWOOD li b’xutt b’saħħtu għeleb lil Pepe Reina.

Marcus Rashford ħaseb li għamilhom 3-0 fil-55 minuta, iżda l-gowl tiegħu kien mħassar meta Paul Pogba kien f’pożizzjoni ta’ offside u deher ifixkel lill-gowlkiper. Manchester United għamluhom 3-0 żewġ minuti wara meta minn corner kien PAUL POGBA li b’xutt fil-baxx għeleb lill-gowlkiper Spanjol.

Mas-siegħa logħob, xutt ta’ Anthony Martial ħabat mal-lasta. United komplew jiddominaw din il-partita u komplew joħolqu aktar azzjonijiet fejn setgħu kabbru l-iskor.

Premier League

Illum: Bournemouth v Tottenham 0-0, Everton v Southampton 1-1, Aston Villa v Manchester United 0-3