Internazzjonali

Stati Uniti: Dokumenti tal-qorti jiżvelaw l-aħħar minuti xokkanti ta’ ħajjet George Floyd

Dokumenti tal-qorti għadhom kemm żvelaw li l-uffiċjal tal-pulizija li qed ikun akkużat bil-qtil, f’Mejju, ta’ raġel iswed li kien qed jinżamm arrestat f’Minneapolis kien wissa lill-vittma biex ‘ma jitkellimx’, anki waqt li l-arrestat kien qed jipprova jieħu n-nifs, bl-irkoppa tal-pulizija qed tagħfas fuq għonqu.

Fil-fatt, id-dokumenti qed juru bl-aktar mod ċar iċ-ċirkustanzi tal-aħħar mumenti fil-ħajja ta’ George Floyd…Il-vittma tal-inċident u li mewtu wasslet għal dimostrazzjonijiet ta’ għadab kontinwi fl-Istati Uniti u madwar id-dinja bħala parti mill-moviment anti-razzista fuq it-tema ta’ Black Lives Matter.

Skont id-data li ttieħdet minn tip ta’ kamera magħrufa bħala body-cam, Floyd beda jgħajjat ‘għal ommu u uliedu’ waqt li kien miżmum mal-art mill-pulizija – Derek Chauvin —  waqt li qal diversi drabi li ‘(il-pulizija) kien se joqtlu’.

L-informazzjoni kienet preżentata fil-qorti mill-avukati li qegħdin jidhru għal wieħed mill-erba’ pulizija li kienu fuq il-post fejn inqatel Floyd.

L-erba’ uffiċjali tal-pulizija li kienu involuti fl-arrest ta’ Floyd kienu tkeċċew mill-korp ftit wara l-inċident u fejn spiċċaw kollha taħt arrest.

Derek Chauvin, il-pulizija li jidher li kien ‘l-aktar wieħed strumentali’ fil-qtil tar-raġel iswed, qed jiffaċċja diversi akkużi, fosthom ta’ omiċidju mhux premeditat.

It-tliet pulizija l-oħra – Thomas Lane, J Alexander Kueng u Tou Thao – qed ikunu akkużati bħala ‘kompliċi fl-omiċidju ta’ George Floyd’.

It-transcripts ħarġu fil-pubbliku meta l-avukati ta’ Thomas Lane qed jitolbu biex jitwarrab il-każ fil-konfront tal-klijent tagħhom.

Filwaqt li, qabel, il-filmati u data dwar il-jum fatali f’Minneapolis kienu qed jintbagħtu fuq il-media soċjali, it-transcripts jagħtu rakkont aktar dettaljat tal-aħħar mumenti ta’ George Floyd minbarra li jixħtu dawl ġdid fuq l-aktar partijiet sinifikanti tal-arrest u l-konsegwenzi tal-azzjoni.

Id-data rekordjata mill-body cameras ta’ Lane u Kueng tiżvela li Floyd kien qal aktar minn għoxrin darba li ma setax jieħu n-nifs waqt li kien qed jinżamm mill-pulizija. L-uffiċjali tal-liġi kienu avviċinaw lill-vittma wara li suspettaw li hu kien uża  karta tal-flus falza biex jixtri s-sigaretti.

Intant, Chauvin, filwaqt li jidher qed jagħfas irkopptu fuq l-għonq ta’ Floyd ( waqt li kien mal-art) għal kważi tmien minuti, jinstama’ jgħid lill-vittma ‘biex ma jitkellimx aktar għaliex kien qed jaħli l-ossiġnu’. Il-filmat juri wkoll li Floyd,  sa mill-bidunett tal-arrest kien qed jikkoopera mal-pulizija, u fejn anki talabhom skuża diversi drabi.

L-avukati ta’ Chauvin ma kkummentawx dwar id-dokumenti tal-qorti mindu dawn ħarġu fil-pubbliku.

L-inċident f’Minneapolis u l-filmati li kienu ġibdu n-nies preżenti għall-qtil ta’ Floyd enfasizzaw il-kriżi kbira tal-inugwaljanza razzjali fl-Istati Uniti.

Għal ħafna nies, l-għadab dwar il-qtil ta’ Floyd qed jirrifletti rabja u frustrazzjoni dwar snin ta’ diskriminazzjoni u inugwaljanza soċjo-ekonomika — bil-protesti relevanti qed ikomplu madwar l-ibliet Amerikani u fuq bażi internazzjonali.