Raġel ta’ 31 sena mill-Ħamrun li għandu passat kriminali li jikkonsisti f’serq ġie kundannat tliet snin u nofs ħabs mill-Maġistrat Monica Vella wara li nstab ħati li fl-20 ta’ Mejju tal-2018 huwa ttanta jisraq television minn lukanda f’San Pawl il-Baħar. Annise Bejaoui nstab ħati wkoll li sar reċediv.
L-attentat ta’ serqa mill-lukanda San Anton seħħet għall-ħabta tal-10.15pm meta kellu f’idejh sett tat-televiżjoni lest biex jisirqu iżda meta nduna li xi ħadd kien rah, telaq jiġri u ħarab mill-post.
Minkejja li minn fejn kienet se titwettaq is-serqa ma kienx hemm cameras tas-CCTV, il-marki tas-swaba tal-Bejaoui kienu jaqblu ma’ dawk li kien hemm fuq it-television u din kienet prova ċara.
Ir-raġel instab ħati wkoll li kkaġuna ħsara fuq oġġetti li huma ta’ €170 għad-dannu tal-kumpanija Cavendish Hotels Ltd. u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest impost fuqu mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit.
Mill-provi prodotti jirriżulta li impjegat tal-lukanda nzerta lil xi ħadd ħiereġ minn Kamra tal-lukanda, numru 55 b’television mgezwer fix-xugamani f’idu iżda x’hin il-persuna rat impjegat, huwa ħalla t-television fejn kien u telaq jigri.
Kien cleaner ta’ l-istess lukanda li rat lil xi ħadd li kien għadu kif hareġ jiġri minn kamra u x’ħin dan raha lill-impjegata, poġġa t-television u telaq jigri. Il-cleaner qalet li l-bieb tal-kamra kien sgassat iżda ma kienx hemm taqlib.
Martin Bayliss, Security Manager tal-lukanda qal fil-Qorti li kien ġie nfurmat minn Joe Attard, General Manager tal-lukanda San Anton li kienu raw persuna ħiereġ b’television minn ġo kamra. Hekk kif ġrew warajh, halla t-television u baqa’ sejjer.
Ix-xhud spjega li barra l-cleaner li ssemma’ kien hemm fattiga oħra li rat lill-allegat ħalliel iżda din laħqet telqet minn Malta. L-espert tal-marki tas-swaba Joseph Mallia qabbel l-marki tal-pali ta’ l-idejn tal-imputat fejn irriżulta li dawn qablu ma’ parti mill-pala ta’ l-id ix-xellugija ta’ Bejaoui.
Il-Prosekuzzjoni li tmexxiet mill-Ispettur Godwin Scewrri qalet li Annise Bejaoui huwa magħruf mal-Pulizija, u li sfortunatament għandu kondotta imżejna. Spjega li huwa ikkopera u beda jitkellem dwar meta darba kien fil-lukanda San Antonio.
Il-Qorti fis-sentenza tagħha sabet lill-imputat ħati tal-akkużi kollha miġjubin kontrih u anke rrevokat id-digriet mogħti tal-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta’ €10,000, u li dawn jgħaddu favur il-Gvern ta’ Malta.
//= $special ?>