Kif żvela Net News, għall-ħabta tat-3:30pm id-deputati Chris Said u Claudette Buttigieg marru għand il-President tar-Repubblika George Vella bil-proposta li qed issir minn grupp ta’ Membri Parlamentari sabiex Adrian Delia jitneħħa minn Kap tal-Oppożizzjoni.
Il-laqgħa fil-Palazz ta’ San Anton damet ftit aktar minn siegħa. Fi tmiemha, Said u Buttigieg ma taw ebda kummenti lill-ġurnalisti.
Bħalissa qed jissemmew xi ismijiet li possibilment qed jiġu imbuttati biex jieħdu huma l-kariga ta’ Kap tal-Oppożizzjoni. Nifhmu li l-President se jkun qed jieħu l-ħin biex jara x’għandu jkun il-pass li jmiss.
Dan is-sit hu infurmat li l-President tar-Repubblika se jkun qed isejjaħ għal kull membru tal-Oppożizzjoni. Dawn il-laqgħat se jsiru fil-ħin li ġej.
Esperti tal-Kostituzzjoni qed jikkummentaw dwar il-fatt li din is-sitwazzjoni li żviluppat hi waħda bla preċedent, fejn jista’ jkollok xenarju ta’ Kap tal-Oppożizzjoni li jkun differenti mill-kap tal-partit.

Ilbieraħ fi stqarrija maħruġa minn Chris Said u Therese Comodini Cachia, f’isem id-Deputati li vvutaw biex jisfiduċjaw lil Adrian Delia, intqal illi l-vot fil-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista kien wieħed diffiċli.
Huma qalu li f’dan iż-żmien diffiċli se jibqgħu jaħdmu għall-ġid tal-partit u tal-pajjiż. Intqal ukoll li dawn id-Deputati stiednu lil Adrian Delia biex iservi fi ħdan l-Oppożizzjoni fi rwol differenti.
