Ambjent Lokali

“Appell lis-sens komun u l-loġika” mill-Kunsilli ta’ Ħal Balzan u Ħal Lija

Il-Kunsilli ta’ Ħal Balzan u dak ta’ Ħal Lija fi stqarrija dwar l-iżvilupp propost fis-sit tal-Moulin D’Or qalu li bħala kunsilli dejjem għażlu li jkunu bilanċjati bejn il-ħtieġa ta’ żvilupp u l-preservazzjoni tal-wirt storiku u naturali, u qatt ma ħadu atitudni ta’ kritika akkost ta’ kollox għall-iżvilupp.

Madankollu esprimew it-tħassib tagħhom dwar dan l-iżvilupp bejn Ħal Balzan u Ħal Lija, l-aktar dwar l-għoli li qed ikun propost għal dan l-iżvilupp, hekk kif dan hu ferm ogħla minn dak tal-pjan lokali.

L-istqarrija tgħid li l-iżvilupp propost joħloq preċedent għal aktar żviluppi fiż-żoni jekk dan iseħħ.

Din il-kwestjoni tqanqal aktar tħassib hekk kif iż-żona tal-proġett tmiss ma’ Żona ta’ Konservazzjoni Urbana minn żewġ naħat, u għalkemm is-sit innifsu ma jinsabx f’żona ta’ dan it-tip, jeħtieġ li jieku f’kunsiderazzjoni iż-żona tal-madwar.

Il-Kunsilli qed jgħidu li jidher ukoll li ma sarux l-istudji meħtieġa dwar kif se jkun effettwat l-iskyline tar-raħal b’dan l-iżvilupp.

Iż-żewġ Kunsilli appellaw għas-sens komun u l-loġika u esprimew it-tħassib serju tagħhom dwar dan l-iżvilupp u tennew li b’rispett sħiħ lejn il-leġislazzjoni għandu jinstab mezz biex isir dan l-izvilupp.