Il-Prim Ministru Taljan, Giuseppe Conte, semma l-probabbiltà li l-istat ta’ emerġenza li kienet iddikjarata fl-Italja b’reazzjoni għall-kriżi tal-coronavirus ikun estiż għal wara l-31 ta’ Lulju. Conte spjega li, skont ma jindikaw l-aħħar ċirkustanzi ( fl-Italja), ‘hi ħaġa raġonevoli li l-pajjiż jibqa’, għalissa, suġġett għall-kriterji li jirriflettu l-emerġenza tal-Covid-19’.
L-Italja (li fl-aħħar xhur kienet fost l-agħar pajjiżi affettwati mill-Covid-19) qed tagħmel minn kollox biex iżżomm il-virus taħt kontroll. U waqt li xejn ma ġie deċiż ‘b’mod konkret’ , Conte irrepeta li ‘jagħmel sens’ li pajjiżu jaħseb biex jestendi l-istat ta’ emerġenza għal ‘il hinn minn dan ix-xahar.
L-istat tal-emerġenza jagħti l-poteri addizzjonali lill-awtoritajiet reġjonali biex jimplimentaw il-proċeduri li jgħinu jillimitaw il-firxa tal-virus.Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu restrizzjonijiet għall-ivvjaġġar, l-għeluq ta’ postijet pubbliċi u projbizzjoni għal-laqgħat tan-nies fil-pubbliku.
L-Italja, intant, mhix taċċetta nies minn 13-il pajjiż indikati bħala ‘sogru’. Il-Ministru tas-Saħħa Taljan, Roberto Speranza qal li l-pandemija tinsab fl-aktar fażi akuta u li l-Italja mhi qed iddaħħal ħadd mill-Armenja, il-Brażil, il-Bosnia-Erzegovina, il-Kuwajt, il-Maċedonja ta’ Fuq, il-Moldova u l-Peru.
//= $special ?>