Lokali Qorti Saħħa

FILMAT: Robert Abela ma jistax isib id-dokument

Il-Ministri tal-Gvern qed jagħmlu minn kollox jiddiżassoċċjaw ruħhom mill-ftehim skandaluż

Il-Memorandum of Understanding sigriet li kien iffirmat bejn il-Gvern Laburista u Vitals Global Healthcare ma jistax jinstab. Hekk kellu jammetti l-Prim Ministru Robert Abela, meta mistoqsi mill-ġurnalisti indipendenti, wara li l-Awditur Ġenerali qal li dan qatt ma inghatalu.

“Jiena immedjatament tlabt kopja ta’ dan id-dokument, però d-dokument ġejt infurmat li ma setax jinstab.

Dan fid-dawl tal-fatt ukoll li l-membri tal-Kabinett ta’ Robert Abela ISSA qed jippruvaw jiddisassoċjaw ruħhom mill-ftehim skandaluż li l-istess Gvern taghhom stess għamel mal-Vitals biex itihom tliet sptarijiet pubbliċi.

U dan minkejja li għadd sostanzjali mill-membri tal-Kabinett tal-lum kienu fil-Kabinett ta’ Muscat meta ġie ffirmat il-ftehim. U minkejja wkoll li l-eks Ministru Konrad Mizzi kiteb fuq Facebook li “il-kuntratti li ġew eventwalment iffirmati kienu approvati mill-Kabinett tal-Ministri – Kabinett li kien involut f’kull stadju tal-proċess u approva kull kuntratt iffirmat”.

Fost dawk il-membri tal-Kabinett … il-Ministru Carmelo Abela, li mistoqsi minn NET News, irrepeta l-kantaliena li għamel il-Prim Ministru jumejn biss qabel, li rreferiena wkoll għal dak li kiteb l-Awditur Ġenerali.

“L-NAO, fir-rapport tiegħu, kien ċar ukoll. Jiġifieri ma jistax ikun nieħdu pick and choose mir-rapport tal-NAO.”

Fil-fatt, f’punt 5.2.10, l-Awditur Ġenerali jesprimi d-diżappunt tiegħu li l-Gvern baqa’ jkaxkar saqajh biex jgħaddilu kopja tal-ftehim.

U dan, itenni l-Awditur Ġenerali, jikkonfmerma wkoll ir-relazzjoni kontroversjali bejn il-Gvern u l-Vitals wara l-konċessjoni mogħtija. Dan kollu jitfa’ dubju dwar il-validità tal-konċessjoni għax juri li ftehim kien maqbul minn qabel b’intenzjoni superfiċjali…u b’konfoffa mal-Gvern Laburista.

Dwar dan, il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru ħarab milli jwieġeb billi qal li dak li jingħad fil-Kabinett, hu obbligat li ma jxandrux.

“Jien obbligat, mhux biss bħala prinċipju imma obbligat, li bħala membru tal-Kabinett, dak li jkun diskuss fil-Kabinett, jibqa’ fil-Kabinett.”

Mistoqsi għaliex fl-aħħar ġimgħat l-istess membri tal-Kabinett biddlu ħsiebhom dwar dan il-kuntratt, minkejja li kienu fil-Kabinett, il-Ministru wieġeb biss b’dan il-mod…

“Il-Gvern iddeċieda. Il-Gvern iddeċieda u ħa d-deċiżjonijiet tiegħu, b’kuntrast għal min jgħid li l-Gvern ma ħax il-passi meħtieġa. Il-Gvern iddeċieda.”

U minflok ma ċċara x’wassal għal din il-bidla fil-ħsieb, hu dawwar kliemu f’attakki lejn l-aħħar Gvern Nazzjonalista.

Intant, b’reazzjoni għal dak li qal Robert Abela dwar il-bejgħ tal-isptarijiet, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qed jibqa’ jinsisti li kuntratt għandu jkun ikkanċellat. U saħaq li mhuwiex aċċettabbli li dan id-dokument mal-Vitals ma jistax jinstab.