Lokali

Għall-ewwel darba, il-popolazzjoni f’Malta taqbeż in-nofs miljun

Ċifri uffiċjali maħruġa mill-NSO jindikaw li għall-ewwel darba fl-istorja l-popolazzjoni tal-gżejjer Maltin qabżet in-nofs miljun, b’Malta iżda tibqa’ l-iżgħar stat mill-pajjiżi kollha tal-UE.

L-istatistika uffiċjali maħruġa llum turi li sal-aħħar tal-2019 il-popolazzjoni f’pajjiżna kienet 514,564; żieda ta’ 4% fuq is-sena ta’ qabel.

Iż-żgħażagħ taħt it-18-il sena kienu jammontaw għal 16 fil-mija tal-popolazzjoni. Filwaqt li l-istess persentaġġ kien magħmul minn anzjani ta’ età ‘l fuq minn 65 sena.

L-NSO jikkonferma li fuq sena daħlu f’pajjiżna mal-20,300 barrani, li 19,000 minnhom kienu barranin li ġew Malta biex jaħdmu jew persuni li ibbażaw il-familja tagħhom f’pajjiżna. Il-maġġoranza assoluta ta’ dawn il-ħaddiema barranin – 12,535 – huma persuni ġejjin minn barra l-UE.

Fl-istess jum ħarġet ukoll statistika tal-Eurostat illi turi biċ-ċar kif f’Malta, f’temp ta’ sena, kellna l-akbar żieda fil-popolazzjoni minn fost is-27 pajjiż membru.

Bħalissa, il-popolazzjoni tal-UE hija ta’ kważi 448 miljun persuna, minħabba li issa għall-fini tal-istatistika r-Renju Unit m’għadux inkluż…u allura kien hemm tnaqqis ta’ 12 fil-mija meta kkomparat mas-sena ta’ qabel.