Lokali Qorti

Għawdxi mhux ħati li sfida ordni tal-Qorti

Raġel li l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest tiegħu pprojbixxewh milli jersaq lejn parti tax-Xagħra wara li allegatament ipprova ttajjar mara b’inġenju, ġie lliberat minn akkużi li kiser il-kundizzjonijiet tal-Qorti, minħabba li fil-ġurnata nkwistjoni huwa kien qed jispjega lill-avukat tiegħu l-inħawi fejn sar l-inċident.

Il-Qorti ta’ Għawdex illiberat lil Joseph Bajada mix-Xewkija li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest tiegħu aktar kmieni din il-ġimgħa wara li fit-3 ta’ Lulju huwa nqabad fuq camera fl-inħawi ta’ Għajn Lukin fix-Xagħra.

Bajada kien inħeles fuq il-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta’ €10,000 talli allegatament ipprova jtajjar mara bit-tractor tiegħu fiż-żona ta’ Għajn Lukin f’Lulju tas-sena l-oħra.

Il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest tiegħu kienu jistipulaw li hu ma jmurx f’Għajn Lukin. L-avukat ta’ Bajada, Christian Camilleri, ma kkontestax il-fatt li kien hemm filmati tar-raġel fl-inħawi fit-3 ta’ Lulju bejn id-9.30am. u l-10.00am., iżda spjega li huwa kien mar hemm mal-akkużat.

L-intenzjoni tar-raġel ma kinitx li tisfida lill-awtorità tal-Qorti imma li tfakkar u tgħin lill-avukat tiegħu ċerti fatti li kienu importanti għad-difiża tiegħu f’kawża ċivili pendenti. Il-Qorti osservat ukoll li l-irġiel marru fiż-żona direttament wara seduta tal-Qorti.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Brigitte Sultana innotat ukoll li r-raġel kien ikkoopera bis-sħiħ mal-Pulizija u ma kiser l-ebda kundizzjoni oħra imposta fuqu mill-Qorti.

Huwa ġie liberat, bil-Qorti tagħmilha ċara li dan ma jkunx il-każ jekk jerġa’ jagħmel l-istess. Id-darba li jmiss, jekk huwa ried li jmur fl-inħawi, għandu jitlob lill-Qorti biex timmodifika l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest tiegħu.