Internazzjonali

Hong Kong: Jieqfu s-servizzi ta’ ‘TikTok’ b’konsegwenza tal-liġi tas-sigurtà imposta miċ-Ċina

In-network soċjali għall-video sharing ‘TikTok’ —  proprjetà tal-kumpanija tat-teknoloġija tal-Internet bl-isem ByteDance – fl-aħħar sigħat irtirat is-servizzi ta’ dan l- app popolari minħabba l-liġi ġdida dwar is-sigurtà li ċ-Ċina imponiet fuq Hong Kong.

Hong Kong – eks-kolonja tar-Renju Unit — ilu stabbilit bħala territorju semi-awtonomu mindu għadda lura għal taħt l-amministrazzjoni taċ-Ċina fl-1997.

Il-liġi ġdida msemmija sadanittant qed tirrestrinġi l-libertà f’Hong Kong fost it-tħassib li l-awtoritajiet f’Beijing, issa, se jkunu jistgħu jissorveljaw kull dettall li jkun espress fil-media soċjali miftuħ għar-residenti tat-territorju.

Kumpaniji oħrajn tas-social media bħal Facebook u Twitter ukoll kienu qed jirrevedu l-operat tagħhom f’Hong Kong.

Fl-istess ħin, ‘TikTok’ anki waqa’ taħt l-iskrutinju tal-Istati Uniti u pajjiżi oħrajn minħabba t-tħassib li n-network kapaċi jaqsam il-user data mal-awtoritajiet Ċiniżi.

Il-kumpanija DanceByte, li hi bbażata f’Beijing, fetħet għall-użu ta’ ‘TikTok’ ‘il hin mit-territorju taċ-Ċina bil-għan li tilħaq udjenza globali. Intant, dan l-app mistenni li, ‘il quddiem, ikun kopert minn struttura kummerċjali ġdida waqt li d-diretturi ta’ DanceByte jikkunsidraw l-aħjar triq ‘il quddiem.

Il-kelliema għal DanceByte fl-istess ħin qed jirrepetu l-wiegħdi li għamlu qabel, fis-sens li n-network ‘se jkompli jirrifjuta li jaqsam il-user data ta’ ‘TikTok’ mal-awtoritajiet komunisti taċ-Ċina.’ Din il-pożizzjoni għandha tibqa’ ‘anki f’każ li l-Gvern Ċiniż jinsisti li jingħata ċertu tagħrif speċifiku’.

‘TikTok’ żiedet il-popolarità waqt il-lockdowns dovuti għall-coronavirus globali, b’madwar 315-il miljun persuna jniżżlu (bil-proċess ta’ download) l-app inkwistjoni fl-ewwel tliet xhur tas-sena.

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Mike Pompeo, riċentement, issuġġerixxa li ‘TikTok’ jeħtieġ aktar skrutinju dwar id-data u l-policies tiegħu dwar il-privatezza, minħabba li l-kwartieri tal-kumpanija DanceByte jinsabu fiċ-Ċina.

Pompeo ipprojbixxa lill-istaff mad-Dipartiment tal-Istat Amerikan milli jniżżlu l-app waqt li suġġerixxa li ‘TikTok’ jista’ jispiċċa projbit fl-Istati Uniti.

Madankollu, il-kelliema għall-kumpanija inkwistjoni ċaħdu li ‘TikTok’ – li qed jitmexxa mill-Kap Eżekuttiv Amerikan, Kevin Mayer – tista’ tirrappreżenta theddida għas-sigurtà.