Internazzjonali

Il-Covid-19 fir-Renju Unit: Jispiċċaw ir-regoli tal-kwarantina relatati ma’ għexieren ta’ destinazzjonijiet

In-nies li qegħdin jivvjaġġaw minn diversi pajjiżi lejn ir-Renju Unit mhumiex se jkollhom jiżolaw ruħhom aktar għal ġimgħatejn bħala prekawzjoni kontra l-firxa tal-Covid-19. It-tneħħija tar-regola – effettiva millum – hi għall-barranin li qed jaslu fir-Renju Unit minn xi 75 pajjiż u l-artijiet tal-British overseas territories.

Madankollu, l-Iskozja – kuntrarju għall-Ingilterra, Wales u l-Irlanda ta’ Fuq — xorta qed tinsisti bir-regoli ta’ kwarantina għall-persuni li qed jivvjaġġaw lejn artha minn Spanja. Il-Ministru Ewlieni tal-Iskozja, Nicola Sturgeon, qalet li din id-deċiżjoni ‘diffiċli’ kienet neċessarja biex pajjiżha ma tgħaddix minn ‘spinta ġdida tal-virus’.

Fl-istess ħin, għadu validu l-parir tal-Foreign Office ta’ Londra biex in-nies ma jibbukkjawx il-cruises għall-btajjel tas-sajf.

L-ajruporti fir-Renju Unit kienu qed jilqgħu it-turisti minn Franza, l-Italja, il-Belġju, il-Ġermanja u għexieren ta’ pajjiżi oħrajn, li r-residenti tagħhom minn issa mhumiex aktar rikjesti li jagħmlu erbatax-il jum kwarantina.

Iżda n-nies li laħqu waslu fir-Renju Unit (mill-pajjiżi msemmija) fil-jiem ta’ qabel, waqt l-aħħar ġimgħatejn, xorta huma mistennija li jikkonkludu l-perjodu ta’ iżolament bħala miżura li tħares kontra inċidenzi ġodda tal-Covid-19.

Is-sitwazzjoni, fl-istess ħin, għadha disposta li tinbidel, bil-Gvern Britanniku jibdel il-politika dwar is-Serbja — bir-riżultat li r-Renju Unit mhux qed jippermetti aktar li n-nies minn dan il-pajjiż jivvjaġġaw lejn artu mingħajr il-ħtieġa ta’ kwarantina.

Ir-Renju Unit introduċa r-regoli tal-kwarantina f’Ġunju,  fejn il-barranin li kienu qed jaslu fil-pajjiż kellhom jinnominaw ( minn qabel) l-indirizz fejn huma setgħu jiżolaw lilhom infushom. L-awtoritajiet fl-Ingilterra kienu wissew li kulmin jonqos li jikkoopera f’dawn iċ-ċirkustanzi seta’ jispiċċa suġġett għall-multi b’massimu ta’ 1,000 Sterlina.

Intant, l-ivvjaġġar lejn ir-Renju Unit fuq livell internazzjonali jidher li qed jaqbad ritmu fl-aħħar sigħat. Dan meta l-awtoritajiet Britanniċi xorta għadhom jinsistu bil-prekawzjonijiet fil-postijiet pubbliċi – b’mod partikulari l-użu tal-maskri tal-wiċċ fuq il-mezzi tat-trasport u speċifikament fl-istazzjonijiet tal-Underground (Tube).