Formula 1 Sport

Il-Formula 1 tikkonferma żewġ tlielaq oħra fil-kalendarju

(Ritratt: EPA)

Il-Formula 1 ħabbret żewġ tlielaq oħra li żdiedu mal-kalendarju li hemm bħalissa. B’hekk ifisser li issa hemm 10 tlielaq konfermati, bit-tmexxija tal-Formula 1 qed taħdem għal skeda ta’ bejn 15 u 18-il Grand Prix, bil-kampjonat jintemm f’Diċembru.

Għall-ewwel darba, se ssir Grand Prix fiċ-ċirkwit ta’ Mugello fl-Italja, li se jimmarka l-1,000 tellieqa ta’ Scuderia Ferrari. Din it-tellieqa fir-Reġjun tat-Toskana, se ssir fit-13 ta’ Settembru u ssegwi dik f’Monza li ssir il-ġimgħa ta’ qabel.

Il-Grand Prix l-oħra konfermata hi dik tar-Russja f’Sochi li b’hekk ġiet konfermata fid-data oriġinali tagħha fis-27 ta’ Settembru. Fi stqarrija, iċ-chairman tal-Formula 1 Chase Carey tenna l-kunfidenza tiegħu li jżommu mal-pjan oriġinali tagħhom għall-kumplament tal-istaġun.

L-istaġun tal-Formula 1 beda l-ġimgħa l-oħra bil-Grand Prix tal-Awstrija, ċirkwit li se jospita t-tieni Grand Prix tal-kampjonat fi tmiem il-ġimgħa. It-tielet Grand Prix se jsir il-ġimgħa d-dieħla fiċ-ċirkwit ta’ Hungaroring fl-Ungerija.