Coronavirus Lokali Saħħa

Il-każi attivi ta’ COVID-19 jinżlu għal 7

Ma ġie rreġistrat l-ebda każ ġdid filwaqt li fiequ 2 persuni oħra

Żewġ persuni oħra jfiqu mill-Coronavirus fl-aħħar 24 siegħa. Min-naħa l-oħra, ma kien irrappurtat l-ebda każ ġdid fuq l-istess żmien.

Hekk kif saru 775 swab tests, in-numru ta’ każi attivi kompla jinżel u issa jinsab fil-livell ta’ 7.

In-numru totali ta’ każi minn meta feġġet l-ewwel infezzjoni baqa’ ta’ 674. In-numru ta’ nies li fiequ tela’ għal 658.

Dawn iċ-ċifri ħarġu fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Ministeru tas-Saħħa.

B’kollox saru kważi 105,700 swab test minn meta feġġet il-pandemija f’pajjiżna f’Marzu li għadda.

Din il-ġimgħa tħabbar li minn nhar it-Tnejn se jinfetħu mill-ġdid il-bibien tas-swali ta’ San Vinċenz għall-viżitaturi – żjarat li jridu jsiru bl-appuntament mal-Customer Care.

Biex imbagħad jumejn wara, l-Ajruport Internazzjonali se jinfetaħ lejn kull destinazzjoni.