Knisja Lokali

“Il-Pulizija huma l-qaddejja tar-Repubblika” – L-Arċisqof Charles Scicluna

Il-Pulizija tfakkar il-206 anniversarju mit-twaqqif tal-Korp

“Ħadd mhu ‘l fuq mi-liġi. Il-Pulizija huma qaddejja tar-Repubblika u tal-ebda partit jew qawwa oħra. Huma l-garanzija għalina ċ-ċittadini, fejn tidħol iż-żamma tal-ordni.”

Hekk iddikjara l-Arċisqof ta’ Malta, Charles J. Scicluna, waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa fl-okkażjoni tal-206 anniversarju mit-twaqqif tal-Korp tal-Pulizija.

Ritratt: Martin Agius

Il-Kap tal-Knisja f’Malta fakkar fil-motto tal-Korp – “Domine Dirige Nos” jew Alla jmexxina” – fejn appella li l-Pulizija kollha għandhom jaraw li anke għalihom, Alla għandu jkun l-għaqda u s-safa fil-ħidma tagħhom.

Kompla li x-xogħol tal-Korp hu li jipprevjeni d-delitti u jinvestiga mingħajr ma jħares lejn wiċċ ħadd. Għax ir-rwol tal-Pulizija mhux li jorbot idejh u jistenna l-bajtra taqa’ f’ħalqu.

Fl-ewwel attività pubblika għall-Kummissarju l-ġdid tal-Pulizija Angelo Gafà, Monsinjur Scicluna appella biex il-Pulizija jkunu ppreparati għall-isfidi li jsibu ma’ wiċċhom minn ġewwa daqskemm minn barra.

Ritratt: Martin Agius

Ħeġġeġ biex issir analiżi konwinwa dwar jekk il-prinċipji tal-kodiċi tal-etika jkunux qed jitħaddmu tajjeb u b’impenn lejn il-pajjiż u l-Kostituzzjoni tiegħu.

Sadanittant, qabel il-Quddiesa kkonċelebrata, fil-Pjazza ta’ quddiem il-Konkatidral saret il-Parata mill-membri tal-Korp, fejn ingħata s-salut mal-wasla tal-Kummissarju u tal-President ta’ Malta George Vella.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Istat spezzjona l-Gwardja tal-Unur wara d-daqq tal-Innu Malti.

Ritratt: Martin Agius