Lokali Qorti Qtil Politiku

“Ingħatajna parir biex ma nintervjenux” – Ian Abdilla

Hekk kif dalgħodu qed tissokkta l-inkjesta pubblika fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, l-Assistent Kummissarju u llum direttur fi dan il-Korp tal-Pulizija, Ian Abdilla, reġa’ jinsab fuq il-pedana tax-xhieda u qed iwieġeb mistoqsijiet tal-avukati tal-familja Caruana Galizia, Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia.

Ftit tal-minuti ilu, minn fuq din il-pedana, Abdilla wieġeb mistoqsijiet dwar il-famuż mument meta Ali Sadr ħareġ mill-Bank Pilaturs tard filgħaxija bil-bagalja f’idejh u bil-ġurnalist ta’ Net News jistaqsih x’kien qed jagħmel hemm.

L-Imħallef Lofaro staqsiet lil Abdilla x’għamel wara li ra l-filmat, bl-Assistent Kummissarju jwieġeb li kellu ġurnata impenjattiva u li kien ċempel lill-Assistent Kummissarju Silvio Valletta li minn naħa tiegħu ċempel lill-Kummissarju tal-ġurnata, Lawrence Cutajar.

F’dal punt, l-imħallef ikkummentat li “il-Kummissarju kellu ikla”, b’referenza għall-fenkata li Cutajar kellu l-Imġarr waqt li qed jiġri dan kollu.

Abdilla jgħid li Cutajar qallu biex ma jmurx lura għax-xogħol, iżda jkompli jgħid li l-Pulizija talbet parir legali dwar x’għandu jsir f’dal punt.

Il-parir li ngħataw kien biex “ma jintervjenux”.

Mistoqsi jekk meta għamel hekk ħasibx li kien qed jagħti lok biex titħalla tintilef evidenza importanti, Abdilla jwieġeb “ridt tkun hemm biex tifhem”.

Is-smigħ għadu għaddej.