L-attenzjoni s-Sibt fil-Matthew Micallef St. John Stadium fil-Marsa ddur fuq l-atleti żgħażagħ. Illum l-MAAA se torganizza l-ħames laqgħa għall-kategoriji ta’ taħt it-12 u l-14-il sena u t-tieni laqgħa għall-kategorija ta’ taħt is-16-il sena.
Dawn l-avvenimenti se jsiru wara tnejn ta’ suċċess, bl-atleti se jkollhom iċ-ċans li juru t-talent tagħhom. Il-kompetizzjonijiet jibdew fl-3.45pm u se jkunu miftuħa għall-pubbliku.
Għat-tfal ta’ taħt it-12-il sena, din se tkun waħda minn żewġ okkażjonijiet li għandhom biex jiksbu d-distanzi jew ħinijiet meħtieġa biex ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati għad-dħul fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport ta’ pajjiżna.
Il-President tal-MAAA Andy Grech qal li jinsabu ħerqana biex jaraw lill-atleti żgħażagħ u dawk aktar żgħar fuq it-track. “Ninsab ċert li bl-impenn tagħhom u tal-kowċis dedikati li għandhom, matul l-ewwel nofs ta’ din is-sena, se jirnexxilhom huma wkoll jirreġistraw progress bħal dak li wettqu l-atleti l-kbar tul dawn l-aħħar ħmistax.”
//= $special ?>