Lokali

Konfermat isem Comodini Cachia bħala l-persuna magħżula minn 19-il deputat

Jibqgħu jinsistu li jwarrbu l-Kap tal-Oppożizzjoni

Il-membri tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista li vvutaw biex jisfiduċjaw lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kkonfermaw li qablu b’mod unanimu fuq isem Therese Comodini Cachia, li għandha tinħatar Kap tal-Oppożizzjoni. Fi stqarrija, id-deputati qed jgħidu li Adrian Delia għandu jwarrab.

Dawn id-19-il deputat qalu li tliet snin ilu Adrian Delia ngħata l-mandat li jmexxi l-Partit Nazzjonalista, isaħħaħ l-istrutturi tiegħu, ikun Oppożizzjoni b’saħħitha u kredibbli, u jkun preparat biex jirbaħ l-elezzjonijiet. Iżda sostnew li minn dan kollu ma sar xejn, u għalhekk qed jinsistu li l-Kap tal-PN għandu jerfa’ r-responsabbilità billi jwarrab minn Kap tal-Oppożizzjoni.

Id-19-il Membru tal-Grupp Parlamentari ddikjaraw li m’għadx għandhom fiduċja f’Adrian Delia bħala Kap tal-Oppożizzjoni.

Fl-istqarrija, l-ismijiet tad-19-il deputat ma issemmewx.