Internazzjonali

Naya Rivera: X’aktarx li għerqet f’inċident traġiku

Naya Rivera, li kisbet fama globali bħala attriċi prominenti fis-sensiela televiżiva ‘Glee’, x’aktarx li mietet mgħarrqa waqt ‘inċident traġiku’ fi xmara ta’ Kalifornja.

L-inċident jidher li seħħ waqt li Rivera, li kellha 33 sena, kienet qegħda f’dgħajsa, flimkien ma’ binha ċkejken, Hi kienet irrappurtata nieqsa wara li d-dgħajsa inkwistjoni dehret ‘għaddejja mingħajr direzzjoni’ f’Lake Piru, lejn il-majjistral ta’ Los Angeles.

It-tifel tal-attriċi, li għandu 4 snin, instab rieqed fuq id-dgħajsa, bil-persuna li sabitu tirrakkonta li ċ-ċkejken, dak il-ħin, kien liebes life-vest. It-tifel, wara, informa lill-pulizija li ‘hu u ommu kienu niżlu jgħumu fix-xmara u li ommu ma rritornat qatt lejn id-dgħajsa’.

Bħalissa għadha għaddejja tfittxija intensiva għall-attriċi nieqsa fost kundizzjonijiet diffiċli. It-tfittxija qed timexxa mill-iskwadri speċjalizzati għal dawn l-inċidenti.

L-awtoritajiet tal-pulizija ta’ Ventura County sadanittant huma tal-fehma li ‘seħħ inċident li sewa l-ħajja tal-attriċi, fost indikazzjonijiet li hi mietet mgħarrqa’.

Naya Rivera kienet tinterpreta l-parti ta’ Santana Lopez ( cheerleader prominenti) fi ‘Glee’, il-kummiedja mużikali li kisbet popolarità enormi  fl-Istati Uniti u ‘il hinn minnha u li kienet tixxandar fuq il-Fox network mill-2009 sal-2015