Lokali Saħħa

Puttinu Cares tibqa’ tniedi proġetti ġodda

Il-Fondazzjoni Puttinu Cares tibqa’ taħdem biex tgħin aktar u aktar persuni fi żmien meta jkunu għaddejjin minn sfidi kbar ta’ saħħa.

Rennie Zerafa – Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Puttinu Cares

Net News iltaqa’ ma’ Rennie Zerafa, Kap Eżekuttiv ta’ Puttinu Cares, li tkellem magħna dwar proġett ġdid li  permezz tiegħu il-fondazzjoni se tkun tista’ tgħin aħjar lil pazjenti li jkollhom bżonn kura f’Londra.

“Għandna grupp ta’ Maltin li sabulna s-sit u li qed jaħdmu fuq dan il-proġett biex meta l-pazjent imur Londra ma jmurx hu biss b’xejn imma anke l-familja tiegħu. Bħal ma għandna ta’ Sutton issa jkolna anke f’Londra”.

Puttinu Cares, li kienet imwaqqfa’ uffiċjalment fl-2002, oriġinarjament kienet issawret biex tgħin lil tfal bil-kanċer, imma minn dakinhar ‘l hawn wessgħet is-sostenn tagħha biex issa tgħin ukoll lil pazjenti b’kundizzjonijiet differenti u anke lil persuni adulti.

“Illum il-ġurnata jsiefru 60 – 90 persuna fix-xahar u mhux tfal biss, imma anke adulti, u b’kull tip ta’ kundizzjoni. Allura mingħajx ma nafu kbirna, u b’hekk ġejna bżonnu dal-proġett, għax indunajna li l-biċċa l-kbira qed imorru għall-kura Londra”.

Staqsejna lil Rennie xi proġetti għandhom pjanati għall-futur, fejn ħabbrilna b’mod esklussiv, il-proġett li jmiss.

“Oxford hemm Nufield Hopistal li hu sptar għall-kundizzjonijiet tal-għadam. Għada pitgħada meta nlestu l-proġetti li għadna, irridu nibdew ngħidnu wkoll lil min imur f’dawn l-inħawi”.

Iżda biex dan kollu jkun possibbli, Puttinu Cares għandha bżonn l-għajnuna tal-ħafna. Rennie jinsab konvint li din l-għajnuna se jibqa’ jsibha, għax il-poplu Malti,fejn jidħol mard dejjem issibu jagħti s-sostenn sħiħ tiegħu.