Għat-tieni darba f’ġimgħa, grupp ta’ immigranti ddaħħal f’pajjiżna mingħajr il-Gvern ma jlissen kelma; skiet totali minn Kastilja.
Kien fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu meta l-armata daħħlet Malta madwar 30 immigrant permezz ta’ operazzjoni li fiha kienet involuta l-patrol boat P62.
NET NEWS hu nfurmat li l-immigranti ddaħħlu f’Xatt it-Tiben għall-ħabta tas-6am. Mhux magħruf eżatt jekk fil-grupp kienx hemm nisa u tfal, għalkemm jidher li l-immigranti ġejjin minn pajjiżi fejn mhemmx gwerra; fatt li jagħmilha aktar faċli għall-Gvern Malti biex issir ripatriazzjoni.
Bħalissa l-immigranti qed jinżammu f’Ċentru ta’ Detenzjoni sakemm ikomplu l-investigazzjonijiet minn naħa tal-Pulizija.
F’nofs din il-ġimgħa, 50 immigrant iddaħħal pajjiżna f’nofs ta’ lejl wara li kienu ilhom ġranet fl-ibħra lil hinn mill-kosta Maltija abbord il-vapur bl-isem Talia. Anke f’dan il-każ, ma ħarġet ebda stqarrija mill-Gvern.
Dawn l-immigranti li kienu fuq il-vapur Talia jingħaqdu mal-450 li iddahhlu Malta x-xahar li għadda, u aktar minn 1,200 li waslu pajjizna fl-ewwel xhur tas-sena.
Dan ifisser li sa issa, fl-ewwel 6 xhur tas-sena in-numru ta’ immigranti li daħlu f’pajjizna qabżu l-1,700.