Raġel li l-identita tiegħu għadha mhux magħrufa jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu wara li għall-ħabta tat-8.30 tas-Sibt filgħodu, il-pulizija ġew infurmati li hemm bżonn l-assistenza fi Triq L-Imdina Ħaż-Żebbuġ minħabba li kien hemm persuna feruta mixħuta fl-art.
Il-Pulizija marru fuq il-post u hemm instab raġel b’numru ta’ ġrieħi li kien jingħata l-assistenza minn xi persuni li nzertaw fl-inħawi.
Fuq il-post issejaħ issejaħ tim mediku u ambulanza li ħadu lir-raġel l-isptar fejn ġie ċ-ċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ta’ natura serja.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Caroline Farrugia Frendo li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.
Il-Pulizija għaddeja bl-istħarriġ sabiex tiġi stabbilita’ d-dinamika tal-każ, li qed jiġi ttrattat bħala hit and run.
Kull min għandu xi informazzjoni li tista tgħin fl-ivnestigazzjonijiet huwa mħeġġeġ li jgħaddiha lill-pulizija.