Internazzjonali

Ghislaine Maxwell titlob il-libertà proviżorja

Maxwell qed tinżamm il-ħabs fuq akkużi ta' traffikar ta' minorenni iżda tixtieq il-libertà proviżorja għax qed tibża' li jaqbadha l-COVID-19

Is-soċjalista Ingliża, Ghislaine Maxwell talbet il-libertà proviżorja hekk kif qed tibża’ li jaqbadha l-Coronavirus waqt li qiegħda l-ħabs tistenna li tissemma l-kawża tagħha dwar allegat involviment f’traffikar ta’ minorenni.

Hi jaf se tkun qed tinħeles fuq libertà proviżorja għal $5 miljun wara li kienet arrestata fit-2 ta’ Lulju akkużata li għinet lil Jeffrey Epstein fl-abbuż ta’ minorenni. Maxwell ċaħdet l-akkużi miġjuba kontriha iżda jekk hi tinstab ħatja għal dan l-att, kapaċi teħel 35 sena ħabs.

Il-prosekuturi qed jisħqu li hemm riskju kbir li Maxwell taħrab mill-pajjiż wara li tingħata l-libertà proviżorja minħabba l-ġid li għandha, in-numru ta’ passporti fil-pussess tagħha, u l-għadd ta’ akkużi miġjuba kontra tagħha. L-imħallef mistenni jieħu d-deċiżjoni finali dwar it-talba tagħha nhar it-Tlieta li ġej.