Coronavirus Lokali

Il-każi attivi ta’ COVID-19 f’pajjiżna jibqgħu 7

Fl-aħħar 24 siegħa ma rriżulta l-ebda każ pożittiv ġdid ta’ COVID-19 f’Malta u f’Għawdex minn fost 742 test.

Permezz ta’ post fuq Facebook, l-Awtoritajiet tas-Saħħa ħabbru li fl-aħħar sigħat ħadd ma’ fieq mill-Coronavirus biex il-każi attivi f’pajjiżna baqgħu seba’.

Din hija t-tieni ġurnata konsekuttiva li f’pajjiżna ma rriżulta l-ebda każ ġdid.

B’hekk il-bidu tad-19-il ġimgħa tal-pandemija f’Malta hija bla każi… l-istess kif kienu l-bidu tal-ġimgħatejn preċedenti.

Fatt pożittiv hu li fl-aħħar tliet ġimgħat irriżultaw 11-il każ ġdid fejn fi 12-il ġurnata minnhom ma ħareġ l-ebda każ ġdid ta’ COVID-19, numri li qatt ma kellna bħalhom minn mindu feġġ l-ewwel każ.

Din l-imxija bdiet f’pajjiżna fis-7 ta’ Marzu u s’issa l-każi total jammontaw għal 674 filwaqt li t-total ta’ dawk li fiequ huma 658.

B’kollox saru iktar minn 100,000 swab test.