Futbol

Imut il-leġġenda ta’ Leeds u l-futbol Ingliż Jack Charlton

(Ritratt: EPA)

Tħabbret il-mewt tal-eks difensur leġġendarju ta’ Leeds United Jack Charlton li miet fl-età ta’ 85 sena. Charlton li miet wara li kien ilu marid, kien parti integrali mit-tim nazzjonali Ingliż li rebaħ it-Tazza tad-Dinja fl-1966.

Charlton lagħab ma’ Leeds United għal 23 sena u lagħab rekord ta’ 773 logħba biex f’dak iż-żmien sar wieħed mill-aqwa difensuri ċentrali. Mat-tim nazzjonali Ingliż lagħab 35 darba u lagħab f’kull logħba li t-tim ta’ Alf Ramsey lagħab fi triqtu lejn is-suċċess ta’ 54 sena ilu f’Wembley.

Charlton sar ukoll kowċ u bejn l-1986 u l-1996 mexxa lit-tim nazzjonali tal-Irlanda għal żewġ kwalifikazzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja u kwalifikazzjoni oħra għall-Kampjonat Ewropew. Ħu l-leġġenda ta’ Manchester United Bobby Charlton, lagħab dejjem ma’ Leeds United u kien parti mill-akbar suċċessi tal-klabb.

‘Big Jack’ kif kien magħruf, għen lil Leeds jiksbu l-promozzjoni għall-ogħla diviżjoni. Hu kien parti mit-tim li rebaħ il-League Cup, il-kampjonat Ingliż, il-Community Shield, l-FA Cup u darbtejn l-Inter-Cities Fairs Cup bejn l-1967 u l-1972. Hu temm il-karriera ta’ plejer f’April tal-1973.

Minbarra r-rekord ta’ 773 logħba, Charlton hu d-disa’ l-aqwa skorer fl-istorja ta’ Leeds b’96 gowl mal-klabb. Malli ħarġet l-aħbar ta’ mewtu, kienu diversi klabbs u assoċjazzjonijiet li esprimew id-dieqa għat-telfa ta’ Charlton.