Lazio sofrew it-tielet telfa konsekuttiva b’telfa din id-darba f’darhom kontra Sassuolo bl-iskor ta’ 2-1. B’dan ir-riżultat, Lazio baqgħu bi 68 punt u seba’ punti taħt Juventus. Għal Sassuolo din kienet ir-raba’ rebħa konsekuttiva u telgħu fit-tmien post b’46 punt.
Din kienet prestazzjoni oħra deludenti ta’ Lazio hekk kif waslet konferma oħra li l-waqfa tal-coronavirus ħadmet kontrihom. Sakemm il-kampjonat waqaf f’Marzu li għadda, Lazio kienu punt biss taħt Juventus u mhux megħluba f’21 logħba konsekuttiva. Minn meta tkompla l-kampjonat, Lazio tilfu erba’ minn sitt logħbiet.
Lazio kienu fetħu l-iskor fit-33 minuta bi kross ta’ Manuel Lazzari jsib lil LUIS ALBERTO li minkejja l-isfida ta’ Manuel Locatelli, irnexxielu jegħleb lil Andrea Consigli. Sassuolo ġabu d-draw fit-52 minuta meta s-sostitut Francesco Caputo qassam għan-nofs lejn GIACOMO RASPADORI li għeleb lil Thomas Strakosha u skorja l-ewwel gowl tiegħu fis-Serie A. It-tim ta’ Roberto de Zerbi skorja l-gowl tar-rebħa fil-91 minuta b’daqqa ta’ ras fuq it-tieni lasta ta’ Gian Marco Ferrari tasal għand FRANCESCO CAPUTO li daħal tajjeb u skorja bir-ras mill-viċin.
Roma kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva u aċċertaw il-ħames post għal tal-anqas ftit jiem oħra. Fi Stadio Mario Rigamonti għelbu 3-0 lil Brescia, tim li jinsab destinat għar-relegazzjoni wara staġun.
Id-difensur FEDERICO FAZIO fetaħ l-iskor fit-48 minuta b’xutt fil-baxx li l-gowlkiper Lorenzo Andrenacci salva mingħajr ma żamm, bil-ballun jaqbeż bi ftit il-linja. L-iskor sar 2-0 fit-62 minuta bi kross perfett ta’ Carles Perez lejn NIKOLA KALINIC li kkontrolla u qata’ lil Andrenacci biex skorja. It-tim ta’ Paulo Fonseca għalaq il-logħba fl-74 minuta b’Diego Perotti jilgħab vertikali lejn is-sositut NICOLÒ ZANIOLO li skorja b’xutt b’saħħtu, f’dak li kien l-ewwel gowl minn meta rritorna wara injury fit-tul.
//= $special ?>