Il-11 ta’ Lulju tal-1995… propju 25 sena ilu fil-belt ta’ Srebrenica, f’Bosnia-Herzegovina nqatlu iktar minn 8,000 persuna, liema att dam għaddej għal għaxart ijiem sħaħ u hu meqjus bħala l-ikbar qtil fuq livell ta’ massa fl-Ewropa wara t-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija.
Dan il-qtil kien sar minn gruppi Serbi Bosnijaċi, bil-mexxej tagħhom sostna li se jibqa’ għaddej b’din l-azzjoni brutili. Dan il-massakru kien sar kontra l-Musulmani f’din il-Belt waqt il-gwerra tal-Bosnia fid-disgħinijiet.
Wara dan il-qtil makabru, l-iġsma ntefgħu kollha f’oqbra tal-massa permezz ta’ makkinarju. Rapporti jgħidu li wħud mill-persuni ġew midfuna ħajjin filwaqt li għadd ta’ ġenituri ġew sfurzati jaraw lill-uliedhom jiġu maqtula, bin-nisa u t-tfajliet jiġu stuprati.
L-effett ta’ dan il-ġenoċidju għadu jinħass sal-lum il-ġurnata hekk kif numru ta’ oqbra tal-massa għadhom qed ikunu skoperti.
Bosnia-Herzegovina ddikjarat lilha nnifisha bħala indipendenti mill-Yugoslavia fl-1992, liema azzjoni ġiet rekonoxxuta minn gvernijiet Ewropew ftit wara.
//= $special ?>