Ekonomija Lokali Turiżmu

Jindikaw riskju fit-turiżmu

L-aġenzija tal-credit ratings Fitch qed tbassar li fix-xhur li ġejjin Malta se tkun qed taffaċċja riskju kbir għas-settur tat-turiżmu, fejn l-istess settur se jbati jew saħansitra jfalli jekk ma jittieħdux l-azzjonijiet neċessarji u xierqa. Dan b’referenza għad-daqqa tal-imxija, li qed tkompli taffetwa t-turiżmu globali.

L-istess aġenzija għamlet referenza wkoll għall-vouchers li l-Gvern beda jqassam.

L-aġenzija qalet li minkejja li din il-miżura se tgħin lit-turiżmu intern, l-effett tagħha jista’ jkun limitat minħabba li t-turiżmu li ġej minn barra jirrappreżenta 97% tal-akkomodazzjoni kollha fix-xhur tas-sajf.

L-esperti qed jgħidu wkoll li minkejja li r-riskji għal tkabbir fl-ekonomija għadhom jeżistu, huma jemmnu li ċertu  riskji huma bbilanċjati.

Din il-ġimgħa stess, f’rapport separat, kien hemm tbassir tal-Kummissjoni Ewropea li juri kif din is-sena l-ekonomija tagħna se tieħu daqqa ta’ 6%. Fl-istess waqt, l-Aġenzija Fitch żammet l-istess rating għal Malta.

Madankollu, Fitch qalet li jeżisti riskju ieħor li huwa żieda persistenti fid-dejn tal-Gvern. Infatti ċifri uffiċjali maħruġa mill-NSO tul din il-ġimgħa juru li fl-ewwel kwart tas-sena l-iżbilanċ fil-finanzi tal-Gvern kien jammonta għal €336 miljun. U d-dejn tela’ għal 6 biljuni.

Intant, ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea li ħareġ it-Tlieta kien diga’ wera li d-daqqa fuq l-ekonomija bdiet qabel l-effetti tal-pandemija – konferma li l-bozza l-ħamra għall-Gvern kienet ilha li xegħlet.