Lokali

Kull ħajja umana trid tingħata sapport

"Il-ħajja umana f'kull stadju tal-ħajja jistħoqqilha d-dinjità, il-kura u d-dritt li tgħix"

Sostenn lit-tfajliet u nisa tqal. Inħarsu kull ħajja umana, lill-ulied u lill-ommijiet fil-bżonn li jeħtieġu l-għajnuna finanzjarja u dik morali.

Din kienet il-ħidma tal-assoċjazzjoni Doctors for Life u oħrajn fejn fl-aħħar xhur ħadmu qatigħ biex il-Gvern joħloq fond t’għajnuna biex juri solidarjetà man-nisa li jeħtieġu għajnuna waqt u wara t-tqala tagħhom.

Permezz ta’ stqarrija Doctors for Life qalu li jeħtieġ li dawn it-tfajliet jingħataw l-għajnuna kollha biex wara kollox jħossuhom parti mis-soċjetà u tingħata għajnuna fit-trobbija tat-tarbija tagħhom.

Fl-istqarrija ntqal li permezz ta’ din id-dar it-tfajliet li jkollhom dawn id-diffikultajiet jistgħu mill-ġdid ikunu integrati fis-soċjetà u jkunu taħt ħarsien. Doctors for Life qalu li tqala mingħajr pjanar hija ta’ ħasda kbira lil kull omm, u dan ix-xelter se jgħin biex dan il-piż ma tkunx qed iġġorru l-omm waħedha.

It-Tobba saħqu li l-ħajja umana fi kwalunkwe stadju jistħoqqilha d-dinjità, il-kura u d-dritt li tgħix.

Infatti Net News ftit tal-jiem ilu żar wieħed minn dawn ix-xelters bl-isem ta’ Dar Tgħanniqa t’Omm immexxija mil-Life Network Foundation… residenza fil-qalba tal-Mosta li nfetħet bil-għan li tagħti sostenn lil tfajliet u nisa tqal. Din id-dar qed tipprova li sservi wkoll ta’ post fejn dawn l-ommijiet jiksbu l-għodda biex jgħixu ħajja indipendenti.

Din id-dar infetħet bil-għan li ssalva l-ħajjiet ta’ trabi li ommijiethom kienu qed jikkunsidraw li jagħmlu abort. Ommijiet li jkunu għaddejjin minn żmien iebes u li jkollhom bżonn is-sapport.