Il-Partit Nazzjonalista se jlaqqa’ l-Kumitat Eżekuttiv nhar it-Tlieta li ġej. Dan ikkonfermah ma’ Net News is-Segretarju Ġenerali tal-PN Francis Zammit Dimech.
L-Eżekuttiv Nazzjonalista jitlaqqa’ b’mod regolari kull xahar, iżda kif wieħed jistenna, dan l-Eżekuttiv żgur se jitratta l-qagħda politika attwali partikolarment wara l-vot li ntalab din il-ġimgħa fil-Grupp Parlamentari Nazzjonalista.
Fil-fatt, wara dik il-laqgħa, kien il-Kap tal-Partit Nazzjonalista stess illi informa lill-Grupp Parlamentari li kellu jsejjaħ laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv fuq l-istess suġġett. Dakinhar kien ittieħed vot sigriet fost id-deputati, u 19 ivvutaw li m’għandhomx fiduċja f’Adrian Delia bħala Kap tal-Oppożizzjoni. Dawn id-19-il deputat iridu li din il-kariga timtela’ minn Therese Comodini Cachia, kif ikkonfermaw huma stess f’komunikat lill-media.
Dwar din il-materja sa issa ma kien hemm ebda reazzjoni uffiċjali minn naħa tal-President tar-Repubblika.
Adrian Delia qed jinsisti li se jkompli jmexxi lill-PN bħala Kap tal-istess partit u Kap tal-Oppożizzjoni, u tenna kemm-il darba li l-impenn tiegħu jibqa’ lejn il-pajjiż, fi ġlieda biex tinqered il-korruzzjoni li qed taħkem lil dan il-Gvern.
Intant, Net News jista’ jikkonferma wkoll li fil-laqgħa tal-Eżekuttiv nhar it-Tlieta li ġej għandu jittieħed vot biex jiġu mwaqqfa żewġ strutturi ġodda fil-partit li joħorġu mill-istatut; il-Kummissjoni Elettorali, Data u Rekords kif ukoll il-Kummissjoni Etika, Dixxiplina u Media Soċjali.
