Futbol Sport

Norwich l-ewwel tim relegat u Liverpool miżmuma f’darhom

(Ritratt: EPA)

Norwich saru l-ewwel klabb relegat mill-Premier League f’dan l-istaġun wara telfa ta’ 4-0 f’Carrow Road kontra West Ham. Din kienet is-seba’ telfa konsekuttiva għat-tim ta’ Daniel Farke li għamlitha diffiċli għalihom biex isalvaw hekk kif baqgħu 13-il punt bogħod mis-salvazzjoni bi tliet logħbiet għat-tmiem. Fuq in-naħa l-oħra, dawn kienu tliet punti fondamentali għal West Ham li bihom kważi salvaw posthom. L-eroj għat-tim ta’ David Moyes kien Michael Antonio li skorja l-erba’ gowls.

Antonio fetaħ l-iskor fil-11-il minuta b’konklużjoni mill-viċin minn azzjoni ta’ korner u rdoppja qabel tmiem l-ewwel taqsima b’daqqa ta’ ras wara free-kick ta’ Mark Noble. Michail Antonio għamel l-iskor 3-0 fl-54 minuta b’daqqa ta’ ras minn rebound wara li l-ewwel xutt kien salvat parzjalment mill-gowlkiper Tim Krul. L-attakkant ta’ 30 sena ssiġilla r-rebħa fl-74 minuta meta kompla għal ġewwa kross ta’ Ryan Fredericks.

Watford ukoll għamlu pass importanti lejn is-salvazzjoni b’rebħa ta’ 2-1 kontra Newcastle f’Vicarage Road. Kienu Newcastle li marru fuq quddiem fit-23 minuta meta minn korner ta’ Matt Ritchie, id-daqqa ta’ ras ta’ Federico Fernandez spiċċat fid-direzzjoni ta’ Dwight Gayle li kompla l-ballun għal ġewwa. Watford ġabu d-draw fit-52 minuta minn penalty ta’ Troy Deeney, bl-istess captain jagħti r-rebħa lit-tim ta’ Nigel Pearson fit-82 minuta minn penalty ieħor.

Liverpool kienu miżmuma f’darhom minn Burnley bl-iskor ta’ 1-1. Dan ifisser li ċ-champions il-ġodda jridu jirbħu l-aħħar tliet logħbiet li fadlilhom biex joħolqu rekord ta’ punti miksuba tul l-istaġun. Andy Robertson fetaħ l-iskor fl-34 minuta b’daqqa ta’ ras għar-rokna wara kross ta’ Fabinho. Jay Rodriguez ġab id-draw fid-69 minuta b’konklużjoni fil-baxx li spiċċat fir-rokna leminija ta’ Alisson.