Futbol Sport

Penalty lejn it-tmiem ta’ Cristiano Ronaldo jsalva lil Juventus kontra Atalanta

(Ritratt: EPA)

Għalkemm ma kisbux ir-rebħa, Juventus resqu eqreb li jirbħu d-disa’ kampjonat konsekuttiv bi draw ta’ 2-2 kontra Atalanta, bil-Bergamasci jitilfu l-opportunità li jitilgħu waħedhom fit-tieni post. Juventus issa għandhom tmien punti vantaġġ fuq Lazio.

Kienu Atalanta li fetħu l-iskor wara 16-il minuta b’passaġġ tajjeb ta’ Alejandro Gomez lejn DUVAN ZAPATA li ddefenda l-ballun u b’xutt minn qagħda ideali għeleb lil Wojciech Szczesny. Juventus ġabu d-draw fil-55 minuta meta ngħataw penalty wara li kross ta’ Paulo Dybala ħabat ma’ id Marten de Roon. Mill-11-il metru, is-solitu CRISTIANO RONALDO għeleb lil Pierluigi Gollini.

Atalanta reġgħu marru fil-vantaġġ fil-81 minuta b’xutt b’saħħtu ta’ RUSLAN MALINOVSKY li ma tax ċans lil Szczesny iżda Juventus evitaw it-telfa fid-90 minuta meta ngħataw it-tieni penalty tal-logħba. Din id-darba l-ballun ħabat ma’ id Luis Muriel fil-kaxxa, b’CRISTIANO RONALDO jagħżel l-istess naħa biex skorja l-għaxar penalty tiegħu u t-28 gowl fil-kampjonat.